L-aħħar stħarriġ tal-MaltaToday jidher li qed iċaqlaq l-ilmijiet mhux ħażin fil-Partit Nazzjonalista, b’esponenti tal-establishment u tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil ikomplu jitfgħu l-pressjoni fuq il-Kap Bernard Grech sabiex jiżfen mad-diska tagħhom.
Dan ħareġ biċ-ċar waqt programm tal-analiżi tal-ġurnali l-Ħadd filgħodu fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista u li fih ipparteċipa David Thake.
Thake magħruf bħala wieħed mill-pilastri ewlenin tal-fazzjoni Busuttil u ħabib sew ta’ Jason Azzopardi, kien ċar fi kliemu meta rreaġixxa għall-istħarriġ li kompla jikkonferma distakk sinifikanti bejn iż-żewġ partit politiċi u l-mexxejja tagħhom.
F’mument minnhom Thake tefa’ botta lejn il-Kap attwali, bħal li kieku ta x’jifhem li Bernard Grech ma jistax jibża’ jiġbed il-linja li kien jieħu Simon Busuttil.
Thake qal, “Il-Partit irid jieqaf jaħseb u jiddeċiedi jekk huwiex se jibqa’ marbut minn din il-biża’ ngħid jien li ħakmitu li hemm ċertu deċiżjonijiet li qed nibżgħu noħduhom, bħala Partit qed nitkellem mhux qed nipponta swaba’ lejn ħadd, għax nibżgħu li mmorru lura flok ’il quddiem.”
Dwar din id-dikjarazzjoni ONE News irrefera għas-sorsi tiegħu fid-Dar Ċentrali. Huma kkonfermaw ma’ dan l-istazzjon kif dan id-diskors minn Thake kien messaġġ ċar lejn il-Kap.
Spjegaw kif dan il-kliem kellu referenza ewlenija għat-trikki trakki li feġġew ftit tal-ġimgħat ilu bejn Jason Azzopardi u Adrian Delia.
Żviluppi fejn fihom Jason Azzopardi kellu jirtira l-allegazzjonijiet dwar l-eks Kap Adrian Delia fejn fost oħrajn kien allega li huwa kellu mijiet ta’ messaġġi mal-allegat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech.
Fil-fatt, l-istess sorsi qalulna kif Thake hawnhekk kien qed jinsinwa għall-fatt li Bernard Grech beża’ jkeċċi lill-Adrian Delia.
Tul l-intervista Thake baqa’ jsostni din il-pożizzjoni: “Inneħħu din il-biża’ li nieħdu d-deċiżjonijiet għax għandna biża’ li nieħdu d-deċiżjonijiet u ngħidu, “Ara, ħa nieħdu d-deċiżjonijiet, ħa neħduhom in good faith, ħa neħduhom bl-iktar mod matur, però ejjew nimxu ’il quddiem.”
Intant David Thake kellu kritika wkoll għall-politika li qed jaddotta l-Partit fosthom dik li tolqot iż-żgħażagħ.
Huwa stqarr: “Policies li forsi kienu jiġbdu liż-żgħażagħ fl-2003, ma humiex l-istess policies li se jiġbdu u jattiraw liż-żgħażagħ, 20 sena wara. Għaddew 20 sena mill-aħħar mument li l-Partit Nazzjonalista kien jispira.”
Fuq din id-dikjarazzjoni s-sorsi ta’ ONE fid-Dar Ċentrali spjegawlna kif Thake qal dan minħabba skuntentizza kbira dwar il-mod ta’ kif Bernard Grech indirizza l-liġi li tirregola l-użu responsabbli tal-kannabis.
Fil-fatt spjegaw kif din l-iskuntentizza mill-establishment waslet ukoll wara l-fatt li Bernard Grech għaxxaqha f’intervista partikolari fejn iddikjara li l-Partit Laburista mar tajjeb fis-survey fost votanti żgħażagħ, għaliex introduċa l-liġi dwar l-użu responsabbli tal-kannabis.
Grech kien qal, “Robert Abela pprova juża din il-kwistjoni tal-kannabis biex mingħalih jaljena u rnexxielu ta sa ċertu punt għaliex is-survey tal-Ħadd li għadda wera illi ż-żgħażagħ anki ressqu aktar lejn il-Partit Laburista.”