Fi stqarrija, il-Ministeru tat-Transport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali qal li sema’ u lest ikompli jisma’ ideat kostruttivi dwar il-proġett tas-Central Link. Il-Ministeru qal li se jibqa’ jikkomunika l-fatti dwar dan il-proġett bil-għan li tkun kjarifikata ħafna mill-ispekulazzjoni li bl-ebda mod ma tirrifletti r-realtà tal-proġett innifsu.
- Mhuwiex minnu li b’dan il-proġett se ssir xi ħerba mis-siġar kbar li hemm f’dawn l-inħawi. Fost l-oħrajn, kontra l-impressjoni żbaljata li ngħatat minn xi uħud, l-ebda siġra mit-Telgħa tas-Saqqajja mhi se tinqala’. Il-verità hi li b’dan il-proġett se jkunu qed jinżergħu 285 siġar iktar milli hemm illum il-ġurnata.
- Dan il-proġett se jinkludi 51,000 metru kwadru ta’ żoni pedonali u ta’ spazji miftuħa biex jitgawdew mill-pubbliku. Se jkun hemm ukoll infrastruttura għal mezzi alternattivi bi 11,000 metru kwadru ta’ korsiji għaċ-ċiklisti.
- Fuq kollox, u l-iktar importanti, il-proġett tas-Central Link se jnaqqas b’50% il-ħin tal-istennija għal eluf ta’ karozzi li jgħaddu minn din ir-rotta ta’ kuljum, bir-riżultat li jonqsu b’66% l-emissjonijiet u t-tniġġis fl-arja.
Dawn il-fatti huma kkonfermati minn sindki differenti kif ukoll minn maġġoranza ta’ nies li jgħixu fl-inħawi u li diġà fehmu l-importanza ta’ dan il-proġett.
It-traffiku f’din iż-żona hu problema li ilha tissemma għal snin twal, inkluż minn uħud li llum qed jikkritikaw il-proġett, u għalhekk il-gvern huwa kommess li, kif għamel fil-Junction tal-Kappara u kif qed jagħmel fil-Junction tal-Marsa fost oħrajn, jindirizza wkoll il-konġestjoni fiċ-ċentru ta’ Ħ’Attard, Ħal Balzan, Ħal Lija u Birkirkara filwaqt li jtejjeb il-konnessjoni importanti bejn l-Imrieħel u r-Rabat.
Tajjeb jingħad ukoll li l-Gvern diġà ħa l-pass tas-sensibilità meta naqqas b’57% l-art agrikola li kienet se tittieħed fl-2006 minn amministrazzjoni preċedenti permezz tal-pjanijiet għall-bypass ta’ Ħ’Attard.
Il-Gvern jirrispetta u jieħu nota ta’ fehmiet differenti minn gruppi differenti dwar kull tip ta’ proġett infrastrutturali. Fl-istess ħin jemmen li d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu fl-interess nazzjonali biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti, inklużi tal-lokalitajiet ċentrali ta’ pajjiżna, li jixraqilhom jgħixu f’aktar sigurtà, b’inqas storbju u b’arja iktar nadifa.
Bis-Central Link Project, il-Ministeru jemmen li minn sitwazzjoni negattiva li ilha tiddomina għal għexieren ta’ snin, se jkun hemm soluzzjoni sostenibbli u long-term li toffri benefiċċji reali lir-residenti taż-żona u lill-pajjiż kollu.