Il-mitħna ta’ Srina, f’Ħaż-Żebbuġ, mhux se tkun qed tintmess wara li jsir investiment fiż-żona tal-madwar.
Dan qalu l-Ministeru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej, u l-Artijiet permezz ta’ stqarrija li ġabet fix-xejn fatti mgħawġa li li ħarġet bihom l-Oppożizzjoni dwar dan l-investiment.
Fil-fatt, fi stqarrija, l-Oppożizzjoni ppruvat tagħti l-impressjoni li l-investiment li se jsir f’din iż-żona, li jlaħħaq it-tnax-il miljun ewro, kien se jsir fuq xi art pubblika jew f’xi żona li hi art verġni.
Madanakollu, il-Gvern ikkonferma l-fatt li l-proġett propost se jkun qiegħed isir biss fuq art privata, kif jirriżulta wkoll mill-permessi li diġà nħarġu b’rabta ma’ dan l-investiment.
Dan filwaqt li l-Gvern iċċara l-fatt li dik li ntalbet l-approvazzjoni tal-Parlament għaliha hija parti minn triq li llum m’għadhiex tintuża, u mhux spazju miftuħ.
B’hekk, it-triq se tkun qed tagħti aċċess wara li jsir dan l-investiment.
Il-Gvern qal li mar quddiem il-Parlament biex jaġixxi b’mod mill-aktar trasparenti filwaqt li jkun qiegħed isostni l-investiment privat, fejn f’żona diġà mibnija jkomplu jitkattru aktar impjiegi.