Li wara għomor jaħdem, anzjan irid jgħaddi bil-pensjoni mhix l-iktar ħaġa faċli. Ħafna drabi jkun hemm bidliet li jrid jagħmel anke jekk mhux mixtieqa. Iżda, agħar minn hekk, għal snin twal beda jberraq ukoll fuq il-prospett li f ’pajjiżna wieħed ikollu pensjoni.
Twissija dwar is-sostenibbiltà tal-pensjoni u l-fatt li l-popolazzjoni qiegħda dejjem tixjiħ wasslet għal diskors dwar kif għad jasal iż-żmien li ma niħdux pensjoni. Illum, dan kollu nbidel għal diskors fejn nitkellmu dwar kemm se tiżdied il-pensjoni. Iżda, kif wasalna għal dan kollu? Il-gazzetta KullĦadd tanalizza minn fejn tlaqna u fejn qegħdin. Fl-ewwel Country Specific Recommendations tal-Kummissjoni Ewropea meta l-Partit Laburista kien elett fil-gvern – f ’Mejju 2013 – il-Kummissjoni Ewropea wissietna biex ngħollu l-età tal-pensjoni skont kemm wieħed mistenni jgħix.
Din kienet twissija li kienet ilha ssir u l-Gvern ta’ qabel dak iż-żmien qatt ma taha prijorità. Qabel il-bidla fil-gvern kollox kien jindika li se terġa’ tiżdied l-età tal-irtirar. Qatt ma kien hemm ċaħda dwar dan minn Gvernijiet Nazzjonalisti filwaqt li dak iż-żmien il-Partit Laburista fl-oppożizzjoni kien jgħid li għandu pjan biex dan ma jiġrix. Iżda, x’wassal għal dan? Żgur li waħda mir-raġunijiet kienet il-fatt li Gvern Nazzjonalista ħalla rapport minn grupp tekniku dwar il-pensjonijiet li sar fl2010 fuq l-ixkaffa.
Fil-fatt, Gvernijiet Nazzjonalisti m’għamlu xejn quddiem twissija wara oħra minn istituzzjonijiet Ewropej li l-pensjonijiet mhumiex sostenibbli. Il-Gvern kellu roadmap anke biex isaħħaħ il-pensjonijiet. Primarjament wettaq bidliet kbar li wasslu biex iktar nies, partikolarment nisa, daħlu fid-dinja tax-xogħol. Għenu biex sar dan miżuri bħat-tapering tal-benefiċċji, l-in-work benefit, iċ-child care b’xejn u l-breakfast clubs fl-iskejjel. B’ekonomija li bdiet tikber b’rati bla preċedent u suq tax-xogħol ikbar, il-pensjoni bdiet issir iktar sostenibbli. Fl-2016 ingħatat żieda ta’ bejn €8 u €9 fil-ġimgħa lil dawk fuq il-pensjoni minima. Dawk fuq ir-rata talmiżżewġin kienu ħadu €4.15 fil-ġimgħa. Gawdew mat-12,000 pensjonant bl-anqas pensjonijiet.
Dan minbarra ż-żieda għall-għoli tal-ħajja. Fl-2017 dawn ħadu żieda oħra ta’ €4 fil-ġimgħa. Daħħalna il-ħelsien mit-taxxa fuq pensjonijiet sa massimu ta’ €13,000. Miżura li gawdew minnha 22,000 pensjonant, sa massimu ta’ €585 fis-sena. Fil-baġit għal din is-sena, barra ż-żieda għall-għoli tal-ħajja, lill-pensjonanti kollha ngħatatilhom żieda ta’ €2 fil-ġimgħa. Għollejna l-eżenzjoni mit-taxxa għal €13,200.
Ma’ dawn wieħed irid iżid inizjattivi bħal tisħiħ tal-pensjoni tas-servizz u għotijiet lil eluf, partikolarment nisa, li ma kellhomx biżżejjed kontribuzzjonijiet imħallsa u anke inġustizzji li ssewwew. Għax dan li għandna bħalissa hu Gvern magħruf li jsewwi l-inġustizzji. Is-sena l-oħra u din is-sena ddedika iktar minn €10,000,000 biex isewwi inġustizzji ma’ kategoriji kbar ta’ ħaddiema. Fosthom il-pulizija, l-eks ħaddiema tax-xatt, l-eks ħaddiema tal-korpi u l-eks ħaddiema tal-Malta Electricity Board.
Fuq kollox hemm impenn ċar tal-Prim Ministru li l-pensjonijiet jibqgħu jiżdiedu għaż-żmien li ġej, għax jekk hemm xi ħadd li hu kredibbli dwar is-suġġett huwa Gvern Laburista. Għax jekk xejn, min bħal Adrian Delia ma jħallasx it-taxxa, ftit jista’ jitkellem dwar pensjonijiet.