Il-Partit Laburista fakkar, fi stqarrija, li fl-aħħar snin Gvern Laburista investa mingħajr preċedent fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tal-forzi dixxiplinati.
Għax l-investiment f’dawn il-ħaddiema, li tant jagħmlu xogħol siewi, jibqa’ prijorità, fil-manifest elettorali għal din il-leġiżlatura saru wkoll numru ta’ proposti importanti li eventwalment se jingħaqdu ma’ dak li diġà sar. Fost dak li twettaq diġà fl-aħħar snin hemm l-għadd ta’ ftehimiet kollettivi ġodda għall-korpi dixxiplinati li, fost l-oħrajn, inkludew il-ġimgħa ta’ 40 siegħa xogħol minflok 48 siegħa. L-introduzzjoni tad-dritt li l-forzi dixxiplinati jissieħbu f’unjin hija wkoll miżura ta’ Gvern Laburista, li ra wkoll li jsir il-ħlas għall-overtime li ma ħallsux Gvernijiet Nazzjonalisti, fost ħafna inizjattivi oħrajn.
B’reazzjoni għal konferenza tal-aħbarijiet organizzata mill-Partit Nazzjonalista aktar kmieni llum, il-Partit Laburista rrimarka li huwa għalhekk ironiku li l-Partit Nazzjonalista jitkellem fuq il-motivazzjoni, meta hu l-iktar li attakka lill-membri tal-forzi dixxiplinati b’mod konsistenti u kontinwu. Fil-mira tiegħu kien hemm mill-Pulizija, sal-Armata u l-ħaddiema tal-Faċilità Korettiva ta’ Kordin.
Il-Partit Laburista żied jgħid li t-tisħiħ fis-sigurtà ta’ pajjiżna huwa frott ix-xogħol tajjeb tal-eluf ta’ ħaddiema li hemm fis-settur. Il-verità hi li llum is-sigurtà qed tissaħħaħ b’investiment bla precedent, tant li minn rata ta’ 42 reat kriminali għal kull 1,000 persuna, din niżlet għal 30.6 għal kull elf persuna. Dan skont rapporti akkademiċi u riċerkati u mhux il-kummenti politiċi ta’ kelliema tal-Oppożizzjoni li jridu jaqbżu b’opportuniżmu politiku fuq kull artiklu f’gazzetta.
Minkejja li qed jinkisbu r-riżultati, il-Gvern Laburista se jibqa’ jaħdem biex iwettaq iktar fl-interess taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.