Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija, u l-Intrapriża, Miriam Dalli, xejnet l-allegazzjoni mhux ibbażata fuq il-fatti li qed tagħmel l-Oppożizzjoni meta qalet li l-interconnector tad-dawl bejn Malta u Sqallija tgħabba żżejjed.
Din l-allegazzjoni ttenniet f’mistoqsija li l-midja Nazzjonalista għamlet lill-Ministru Dalli fi tmiem attività li fiha ġie inawgurata estensjoni tal-Park ta’ San Klement f’Ħaż-Zabbar.
Min-naħa tagħha, il-Ministru wieġbet b’mod ċar u bil-fatti fi jdejha. Hija spjegat li dak li, għal perjodu stabbilit, l-interconnector jiflaħ jieħu fuqu ħafna aktar kurrent milli normalment jieħu.
Hija akkużat lill-Oppożizzjoni li qed taġixxi b’politika malizzjuża maħsuba biex timmina x-xogħol tal-Enemalta u tal-ħaddiema tagħha.
Quddiem ħsara momentarja fl-interconnector li seħħet waqt il-maltempata tal-ġimgħa l-oħra li matulha, bħala proċedura, il-ħażna tal-gass tal-impjant il-ġdid f’Delimara ma kienx possibbli li tibqa’ sorġuta fil-port, l-Oppożizzjoni saħansitra nfexxet tgħajjar lill-ħaddiema tal-Enemalta li waqt l-istess maltempata kbira li laqtet lill-pajjiż assiguraw mill-ġdid provvista tal-elettriku fi żmien qasir.
Ilbieraħ, fil-Parlament, wara stqarrijiet tal-Oppożizzjoni – fosthom mid-Deputat Nazzjonalista u wieħed mill-aspiranti tal-establishment fl-eqqel ta’ aktar ġlied fil-Partit Nazzjonalista, Mark Anthony Sammut – il-MInistru Dalli, esprimiet il-fiduċja tal-Gvern fil-ħaddiema tal-Enemalta.