L-Assoċjazzjoni tal-Aġenti tal-Ivvjaġġar u tat-Turiżmu laqgħet b’idejn miftuħin il-kundizzjonijiet li ser iwittu t-triq għall-ivjaġġar sigur lejn jew minn Malta. Dan hekk kif il-pajjiż qed jipprepara ruħu sabiex b’mod kawt tibda r-riġenerazzjoni tas-settur turistiku.
L-Assoċċjazzjoni, magħrufa wkoll bħala l-FATTA, fi stqarrija ħeġġet lill-awtoritajiet biex jinnegozjaw ftehimiet bilaterali ma’ pajjiżi terzi biex bejniethom il-pajjiżi jirrikonoxxu ċ-ċertifikati tal-vaċċin.
Huma stqarru li din ser tiffaċilita turiżmu sigur għall-pajjiżi rispettivi iżda b’mod speċjali l-FATTA semmiet l-abbilità ta’ vjaġġar sigur għall-qraba u ħbieb minn pajjiżi bħar-Renju Unit, l-Amerka u l-Kanada.
Il-FATTA sostniet li inizzjattivi li ser jgħinu l-ivjaġġar u t-turiżmu lejn u lil hinn minn Malta għandhom jimxu id f’id ma’ restrizzjonijiet stretti sabiex ma jfixklux ir-riżultati tajbin li bħala pajjiż rnexxielna niksbu.