Dan qalu l-Ministru Owen Bonnici li flimkien mal-Ministru Edward Zammit Lewis inidirizza konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.
Il-Ministru Zammit Lewis innota li Simon Busuttil kien parti mill-grupp tat-tmexxija tal-PN li wassal lill-partit f’ sitwazzjoni ta’ dejn. Għalhekk Busuttil kien ferm konxju tas-sitwazzjoni finanzjarja u għalxejn jipprova jappella għall-emozzjoni biex il-poplu ma jiġġudikax l-għażla tiegħu li jirċievi l-flus minn imprendituri għall-pagi tal-ogħla karigi fil-Partit Nazzjonalista.
Il-Ministru Zammit Lewis qal li ma jistax jifhem x’argument kredibbli hu li Simon Busuttil filli qal li l-flus kienu ‘maħmuġin’ u li se jirritornhom u filli iddeċieda li jżommhom. Innota kif fl-aħħar jiem irriżulta li l-anqas esponenti ewlenin fil-PN ma kienu jafu bl-arranġament li għamel Busuttil, “aħseb u ara jekk ikun Prim Ministru x’jasal jaħbi”. Il-poplu għadu qed jistenna li jkunu ppublikati l-invoices tal-flus li rċieva l-Partit Nazzjonalista. Invoices li l-Partit Laburista jaf li ma jridx jippublikhom għax huma ‘foloz’ għaliex is-servizzi qatt ma ngħataw.
Meta se jiġu ppublikati l-invoices?
Il-Ministri qalu li minkejja l-priedki ta’ trasparenza ta’ Busuttil, uża l-ewwel opportunita li kellu biex jaħbi d-dokumenti. Simon Busuttil għadu ma rrispondix l-anqas jekk hemmx arranġamenti simili ma’ negożjanti. Mhux talli ħoloq din is-sitwazzjoni bla preċedent f’ pajjiżna, talli qed jigdeb dwar il-liġi tal-finanzjament tal-partiti, kompla l-Ministru Owen Bonnici.
Donazzjonijiet lill-kumpaniji tal-paritit politiċi, bħal NET TV u Radio 101 jaqgħu taħt il-liġi tal-finanzjament tal-partiti fisser Bonnici għalhekk.
“Tant jinsab daru mal-ħajt li spiċċa jigdeb dwar il-liġi” qal Bonnici.
Il-fatt li sab sitwazzjoni finanzjarja ħażina ma ttiħx il-liċenżja biex jikser il-liġi Persuna mdejna mgħandix dritt tisraq bank għax mgħandiex flus, għalhekk ir-raġuni li ta Busuttil hija falza u redikola.