Nisa u tfajliet madwar l-Ewropa jaffaċċjaw fastidju ‘bla ħniena’ f’ postijiet pubbliċi, u jidher li mhux qed isir biżżejjed mill-awtoritajiet biex din il-problema tissolva.
Riċerka li saret fl-Ingilterra mill-Kumitat Parlamentari għan-Nisa u l-Ugwaljanza, sabet li l-fastidju li jaffaċċjaw in-nisa tant huwa komuni, u tant qatt ma sar xejn dwaru, li kważi sar “normali”.
Ir-riċerka qalet li l-fastidju jvarja minn kliem mhux xieraq għal abbuż sesswali. Jidher ukoll li dawn isiru f’postijiet pubbliċi bħal fuq trasport pubbliku, stabbilimenti tad-divertiment, fl-Universitajiet, jew fuq siti soċjali.
“Dan kollu jwassal biex nisa u tfajliet jevitaw ċertu postijiet, speċjalment bil-lejl. Dan ikisser l-ugwaljanza li suppost qed nippromwovu bejn in-nisa u l-irġiel”, saħqet kelliema għall-Kumitat li għamel ir-riċerka.
Ir-rapport ikkonkluda li l-attitudni soċjali lejn każi ta’ fastidju sesswali u l-fatt li ħafna nies iqisuhom bħala “xi ħaġa normali”, kellu effett ikrah fuq is-soċjetajiet tagħna.