Fl-isfond li l-fastidju online u fuq il-post tax-xogħol qed ikompli jgħolli rasu, il-bidla fil-mod kif il-unjins qed jindirizzaw rapporti ta’ fastidju qed tħeġġeġ aktar ħaddiema jirrappurtaw dawn il-każijiet.
Qalet dan il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli waqt konferenza dwar is-suġġett organizzata mill-General Workers’ Union.
Helena Dalli qalet li permezz tal-ħidma effettiva tal-unjins li jħeġġu biex jiġu rappurtati diversi forom differenti ta’ fastidju qed twassal biex tonqos l-inċidenza li l-vittmu jiġu vittimizzati darbtejn jew aktar.
Il-Ministru saħqet dwar il-bżonn li jkun hawn aktar għarfien dwar il-fastidji speċjalment dwar dak li qed jiġri fuq l-internet ħalli l-esperjenzi tal-vittmi jservu għal aktar kuxjenza fuq is-suġġett u aktar nies ifittxu l-ġustizzja.
Helena Dalli rreferiet għal bidliet f’diversi liġijiet li qed iżidu l-protezzjoni lill-vittmi u spjegat kif il-Gvern kien nieda strateġija nazzjonali li tindirizza l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika.
Fl-istess konferenza tkellmet ukoll l-ewro-parlamentari Laburista Miriam Dalli li saħqet dwar il-ħtieġa li mmorru passi ‘l quddiem biex tassew nindirizzaw il-fastidju fuq il-post tax-xogħol.
Fid-dawl li statistika riċenti maħruġa mill-organizazzjonijiet Maltin Men Against Violence u Women Rights Foundation turi kif disgħin fil-mija ta’ dawk li wieġbu l-istħarriġ ma kienux jafu kif se jindirizzaw każijiet ta’ fastidju sesswali li esperjenzaw huma stess jew li raw iseħħu quddiemhom, Miriam Dalli saħqet fuq il-bżonn ta’ taħriġ għal min iħaddem imma anki għall-ħaddiema.
Miriam Dalli temmet l-indirizz tagħha titkellem ukoll dwar l-effetti psikoloġiċi li jkollhom każijiet ta’ fastidju fuq il-ħaddiema.