Il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, flimkien Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar ħabbru tisħiħ fis-servizz tal-fast ferry bejn Malta u Għawdex, li se jissarraf f’aktar vjaġġi frekwenti, fost l-oħrajn.
Dan hekk kif, mill-1 ta’ Ottubru, l-iskeda eżistenti tal-fast ferry se tiġi estiża tul is-sena kollha.
Fil-fatt, wara diskussjonijiet mal-operaturi tas-servizz, il-Gvern iddeċieda li jinvesti €1.3 miljun biex l-iskeda tal-vjaġġi tkun fissa u ma tinbidilx minn perjodu għal ieħor, waqt li jiżdiedu t-traġitti bejn il-Port il-Kbir fil-Belt Valletta u l-Port tal-Imġarr, f’Għawdex.
Il-Ministru responsabbli mit-trasport Chris Bonett stqarr li tliet snin wara li l-Gvern implimenta l-wegħda tiegħu u introduċa dan is-servizz, issa kompla jistinka biex itejbu.
“U allura issa morna għal skeda unika, irrelevanti l-istaġun, biex kulħadd ikollu vjaġġi biżżejjed biex jagħmel il-qsim bejn Malta u Għawdex fi x’ħin ikun l-aktar komdu. Irridu nibqgħu għaddejjin imma. Il-konnessjoni bejn Malta u Għawdex mhux biżżejjed. Għandna l-konnesjoni anke mal-kosta tal-Lvant ta’ Malta li rridu naħdmu aktar fuqha.”
CHRIS BONNETT
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li, sa minn meta ġie introdott fit-tieni kwart tal-2021, dan is-servizz bil-fast ferry esperjenza tkabbir fl-ammont ta’ klijenti li jużawh biex jaqsmu minn Għawdex lejn il-Belt Valletta u lura b’mod effiċjenti u sigur.
“Proprju ftit wara li nidejna dan is-servizz qegħdin inkomplu nsostnuh anke wara l-esperjenza li kellna tul l-aħħar staġun fejn proprju issa qegħdin inniedu skeda li se tkun fissa s-sena kollha. Skeda li se tagħti s-serħan il-moħħ, se tagħti wkoll mod ta’ kif wieħed jista’ jippjana permezz ta’ xi ħaġa li hi fissa u stabbli.”
CLINT CAMILLERI
L-operaturi tal-kumpanija Gozo Highspeed Ltd saħqu li jilqgħu din l-inizjattiva mill-Gvern, li se tkun qed tipprovdi għall-ħtiġijiet tal-Maltin, l-Għawdxin u t-turisti u qalu li, bħala l-operaturi tal-fast ferry, irċievew rispons pożittiv ħafna dwar is-servizz u jinsabu ċerti li din l-inizjattiva se tiggarantixxi servizz saħansitra aktar effiċjenti lill-klijenti.
Il-Ministru Bonett, li l-Ħadd li għadda wkoll esprima għadd ta’ ideat dwar kif jista’ jittaffa t-trasport fuq l-art, inkluż permezz ta’ mezzi marittimi, ikkonkluda b’indikazzjoni għal żviluppi oħrajn fil-qrib.
“Naħseb li ġej żmien li se jkun sabiħ għat-trasport bil-baħar, għax naħseb kollha kemm aħna qed nirrealizzaw kemm għandna bżonn verament nużawha din ir-riżorsa.
CHRIS BONNETT