Mis-Sibt, il-ħmistax ta’ April, ġie estiż il-kunċett ta’ Farmers’ Market fil-Birgu, biex il-prodotti tal-bdiewa lokali jitwasslu aktar qrib in-nies.
Dan sar permezz tal-ħidma tas-sezzjoni ta’ Sorveljanza fi ħdan l-Aġenzija Maltija għall-Ikel, bil-għan li ssaħħaħ il-prodott lokali.
Fi żjara li għamlu s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli u l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Maltija għall-Ikel, Brian Vella, ġiet innutata l-konkorrenza qawwija tan-nies, u kif dan il-kunċett qed jgħaqqad aktar lir-raħħala, lis-sajjieda u lill-bdiewa, mal-konsumatur.
Hawn il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Maltija għall-ikel spjega li, “L-irwol tal-Malta Food Agency huwa wkoll li jagħmel u jorganizza il-Farmers’ Market fejn qed imur f’lokalita’ partikolari, fil-Birgu, biex naraw li nersqu iktar, anke bil-prodotti li jipproduċu l-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda tagħna, aktar lejn il-konsumatur.”
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli, irrimarkat kif il-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Birgu mal-Malta Food Agency, qed twassal biex il-konsumaturi jgħixu ħajja aktar sana.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari spjegat li, “Il-Kunsill Lokali tal-Birgu b’kollaborazzjoni mal-Malta Food Agency, reġa’ ħadem bis-sħiħ sabiex il-Food Market jiġi fit-toroq ta’ dawn in-naħat. Għaldaqstant inkompli nħeġġeġ lin-nies, hekk kif qamu llum biex jixtru il-prodott Malti, prodott frisk, u prodott bnin sabiex huma wkoll, jgħixu ħajja sana.”