Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia qed iħawwad dwar il-figuri tal-faqar, jew ma jafx jaqra l-istatistika jew irid iqarraq.
Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li għal kuntrarju ta’ dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni fl-aħħar sigħat, in-numru ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali mhux talli ma żdiedx fl-aħħar sentejn talli naqas b’14,000 persuna fl-ewwel tlett snin biss ta’ Gvern Laburista. Dan wara li taħt Gvern Nazzjonalista bejn l-2008 u l-2013 kien żdied bi 18,000 persuna.
Il-PL qal li saħansitra kienet il-Kummissjoni Ewropea stess li fl-aħħar rapport tagħha dwar Malta qalet: “Malta performs relatively well on the indicators of the Social Scoreboard… poverty and social exclusion risks declined to levels last seen in 2008”. In-numru ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali kien 81,000 fl-2008 imma sal-2013 tela’ għal 99,000. Kien bejn l-2013 u l-2016 li dan reġa’ niżel u issa jinsab fil-livell ta’ 85,000 u dan qed ikompli jonqos kull sena.
L-istqarrija tenniet li huwa għalhekk li l-Kap tal-Oppożizzjoni ma jistax jittieħed bis-serjeta’ meta jitkellem dwar il-faqar u dwar il-pensjonijiet. Dan għaliex kienu Gvernijiet Nazzjonalisti li tellgħu l-eta’ tal-irtirar minn 61 għal 65 sena, għollew il-bolla u ffriżaw il-pensjonijiet. Għal kuntrarju, il-Gvern Laburista la għolla l-eta’ tal-irtirar u lanqas għolla l-bolla iżda minflok għolla l-pensjonijiet għal tlett snin wara xulxin u hekk se jkompli jagħmel fis-snin li ġejjin.
Temmet tgħid li l-Gvern Laburista qed jirnexxielu inaqqas il-faqar u jżid il-pensjonijiet għaliex qed joħloq il-ġid u qed iqassmu fuq kulħadd. Il-ġid qed jinħoloq ukoll bil-għaqal tal-poplu Malti li għax bieżel qed jara d-dħul tiegħu jiżdied kull sena imma għax onest meta jkollu jħallas it-taxxi dawn iħallashom minnufih, mhux kif jagħmel il-Kap tal-Oppożizzjoni.