Id-dħul gross medju tal-famiji f’Malta fl-2020, żdied b’5.4% għal total ta’ aktar minn €40,200. Dan filwaqt li r-rata ta’ nies fir-riskju tal-faqar meta mqabbla mas-sena ta’ qabel baqgħet stabbli, fir-rata ta’ 16.9% tal-popolazzjoni.
Juru dan ċifri ppubblikati llum mill-Uffiċċju Nazzjonalista tal-Istatistika dwar id-Dħul u l-Kundizzjonijiet tal-Għajxien, SILC, fejn ġie spjegat kif is-sistema tal-ħarsien soċjali f’pajjiżna kienet kruċjali biex iżżomm ir-rata ta’ riskju ta’ faqar relattivament aktar baxxa.
Kieku mhux għal dan, kien ikollna kważi 20% jew 98,000 persuna aktar fir-riskju tal-faqar.
Fil-fatt, l-istatistika uffiċjali turi kif ir-rata ta’ riskju ta’ faqar fost in-nisa naqset b’0.3%. Dan filwaqt li dik fost it-tfal naqset b’0.8% u dik fost dawk li jgħoddu bejn it-18 u l-64 sena naqset b’0.4% meta mqabbel mal-2020.y
Kien ikkonfermat ukoll li r-rata ta’ riskju ta’ faqar ta’ dawk li jaħdmu naqset ukoll. L-istatistika turi wkoll li r-rata ta’ riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali żdiedet marġinalment b’0.4% madankollu din ir-rata hija kważi erba’ perċentwali u nofs inqas minn dak irreġistrat fl-2013.
Ir-rata ta’ deprivazzjoni materjali u soċjali severa għoliet b’0.3% iżda din ir-rata hija kważi n-nofs ta’ dak reġistrat fl-2013 meta kien hemm fis-seħħ kejl inqas rigoruż.
Dan ifisser li llum hawn nofs il-faqar li kien hawn fl-2013.
Minn analiżi ta’ sitt indikaturi ewlenin tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-Maltin u l-Għawdxin, bejn l-2013 u l-2021 joħroġ li kien hemm tnaqqis sostanzjali ta’ 13.8% f’persuni b’ċaħda materjali u soċjali severa.
Dan jirriżulta fost oħrajn mill-għadd ta’ persuni li ma laħħqux ma’ spejjeż mhux mistennija, li fl-aħħar disa’ snin niżlu minn 23% għal 15.7% – jiġifieri tnaqqis ta’ 15,700 persuna.
Dawk li ma kienux jifilħu jħallsu għal btala ta’ ġimgħa naqsu minn 55.9% għal 33.1% – tnaqqis ta’ 63,000 persuna.
Barra minn hekk, il-persuni li ma felħux iħallsu biex jieklu laħam jew ħut kull jumejn niżlu minn 15.3% għal 6.2%. Dan ifisser li, mill-2013 lil hawn, kien hemm tnaqqis ta’ 32,000 persuna.
B’reazzjoni għal din l-istatistika, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon stqarr li din hija konferma ta’ kemm is-sistema soċjali ta’ pajjiżna qed tkompli tħalli effett dejjem aktar pożittiv fuq iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.
Huwa sostna li l-pajjiż mhux biss irkupra malajr ħafna mill-qgħad iżda saħansitra d-dħul gross tal-ħaddiema tela’ għal €6.7 biljun, żieda medja kull familja ta’ kważi €2,800.
Huwa nnota wkoll li d-dħul medju disponibbli tal-familji Maltin u Għawdxin żdied b’aktar minn €1,300, konferma ta’ kemm il-politika soċjali tal-Gvern anki waqt pandemija kienet effettiva u ta’ sostenn.
Il-Ministru Michael Falzon temm jgħid li l-Gvern se jibqa’ jirrikonoxxi l-isfidi u r-realtajiet tal-familji u rrijaferma l-impenn li jħaddem politika favur tkabbir ekonomiku sostenibbli li bih ikompli jsostni l-għajnuna lill-familji biex dawn ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar.