Fil-ħarġa tal-lum tal-ġurnal tal-Partit Nazzjonalista ‘Il-Mument’, hemm storja bbażata fuq kummenti għal kollox żbaljati li għamlet il-Kandidata Nazzjonalista għall-Parlament Ewropew Louise Anne Pulis, fost oħrajn dwar il-qagħda tat-tfal f’pajjiżna.
Pulis żbaljat bil-goff meta qalet li l-Gvern mhux jirrikonoxxi sitwazzjonijiet ta’ nisa li jkunu tqal u minħabba f’hekk jitkeċċew minn djarhom u jispiċċaw bla saqaf bit-tfal b’kollox, u li mnalla hemm NGOs bħal Life Network li jidħlu għalihom.
Tant jirrikonoxxihom dawn is-sitwazzjonijiet il-Gvern, li l-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal ilu mill-2020 li daħal fi ftehim mal-Life Network, liema ftehim għadu kif ġie mġedded riċentament għal tliet snin oħra.
Tul dawn it-tliet snin, il-Gvern se jgħaddi nofs miljun ewro lil din l-NGO biex tkompli taħdem ma’ dawn in-nisa.
Dawn in-nofs miljun ewro se jiżdiedu fuq l-għajnuna finanzjarja li diġà ngħataw lil-Life Network fit-tliet snin ta’ qabel.
Il-ftehim il-ġdid jipprovdi għal seba’ sodod għan-nisa u tnax-il sodda għat-tfal, li jintużaw għal żmien temporanju sakemm is-sitwazzjoni tinnormalizza ruħha u jerġgħu lura fi djarhom.
Għalhekk hija għal kollox qarrieqa l-impressjoni li ppruvaw jagħtu l-ġurnal Nazzjonalista ‘Il-Mument’ u l-Kandidata Nazzjonalista Louise Anne Pulis, li l-faqar tant żdied li anke tfal jgħixu barra hawn.
L-erbgħin tifel u tifla imsemmija fir-rapport huma n-numru ta’ tfal tan-nisa li ngħataw l-għajnuna mil-Life Network, grazzi għall-appoġġ finanzjarju tal-Gvern.
Fl-aħħar għaxar snin, il-Gvern għamel investiment soċjali massiċċ ħafna permezz ta’ mijiet ta’ miżuri soċjali li wasslu biex il-qagħda tal-familji tjiebet sostanzjalment u l-faqar fost it-tfal naqas.
Dan wassal biex ir-rata ta’ Riskju ta’ Faqar jew Esklużjoni Soċjali fost it-tfal niżlet minn 32% fl-2013 għal 22% s-sena l-oħra; tnaqqis ta’ sitt elef tifel u tifla.
Anke r-rati ta’ ċaħda materjali u dik severa naqsu sostanzjalment.
Ir-rata ta’ Ċaħda Materjali fost it-tfal naqset minn 22.5% fl-2013 għal 9.2% fl-2022, filwaqt li r-rata ta’ Ċaħda Materjali Severa fost it-tfal niżlet minn 12.8% fl-2013 għal 4.6% s-sena l-oħra.
Dan ifisser li llum f’Ċaħda Materjali Severa baqa’ biss terz tat-tfal li kien hawn 10 snin ilu, għall-kuntrarju ta’ dak li qal ‘Il-Mument’ u l-kandidata Nazzjonalista Pulis, għaliex taħt Gvern Laburista, 2 minn kull 3 itfal f’pajjiżna ma baqgħux f’sitwazzjoni ta’ Ċaħda Materjali Severa.