Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Konrad Mizzi attenda l-attività organiżżata f’Ghent, il-Belġju mill-kunsill tal-belt ta’ Ghent fejn ġiet diskussa t-tema ta’ Energy Poverty.
Fost il-kelliema tal-attività, kien hemm ukoll il-Viċi President tal-Unjoni tal-Enerġija u Kummissarju Ewropew Maroš Šefčovič, u Kathleen Van Brempt mill-Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi Ewropej, kif ukoll diversi assoċjazzjonijiet mill-industrija biex jirrappreżentaw l-effiċjenza fl-enerġija.
Il-Ministru Konrad Mizzi spjega kif it-terminu ta’ Energy Poverty jista’ jitqies meta familji jew individwi ma jistgħux jaffordjaw li jużaw il-mezzi tagħhom sabiex isaħħnu jew ikessħu d-djar tagħhom minħabba tariffi għoljin tal-elettriku u minħabba djar li mhumiex energy efficient.
Huwa kkwota stħarriġ tal-Unjoni Ewropea li juri kif fl-Ewropa hemm ammont sostanzjali ta’ familji li ma jistgħux iżommu d-djar tagħhom f’temperaturi addattati għall-klima tagħhom. Huwa qal li dan huwa inaċċettabbli fiż-żmien tal-lum.
Fl-intervent tiegħu huwa spjega kif il-prijoritajiet tal-Presidenza Maltija fil-qasam tal-enerġija huma li jibda x-xogħol fuq il-Clean Energy for all Europeans Package li nediet il-Kummissjoni Ewropea fost oħrajn. Qal ukoll li l-Ewropa għandha tara li tfassal liġi għall-poplu, speċjalment għal dawk vulnerabbli. Semma kif il-qasam tal-enerġija dejjem kien fil-bażi tal-Unjoni Ewropea sa’ mill-bidu tagħha.
Hu spjega wkoll kif ir-riforma fl-enerġija li għamlet Malta huma f’sinerġija totali mat-tliet pilastri tal-Unjoni tal-Enerġija:
– Enerġija għall-but ta’ kulħadd – Malta naqqset it-tariffi tal-elettriku b’25% għall-familji u n-negozji;
– Sigurtà tal-provvista – il-Gvern Malti ħadem biex jeqleb il-ġenerazzjoni tal-elettriku ta’ Malta għall-gass filwaqt li jipprovdi impjant ġdid li jaħdem bil-gass;
– Sostenibbiltà – Malta qiegħda tagħti impetus qawwi fuq l-enerġija rinnovabbli u s-setturi tal-enerġija effiċjenti.
Il-prijoritajiet tal-Presidenza Maltija ġew imfaħħra minn diversi Membri Parlamentari Ewropej, kif ukoll mill-Viċi President Maroš Šefčovič u minn Kathleen Van Brempt.