Sa ċertu punt xortih tajba għax l-Awditur Ġenerali r-rapporti ħariġhomlu tnejn tnejn. Dan għax kieku konna nisimgħu ħafna iktar fuq il-famużi rapporti dwar dak li kien jiġri meta Jason Azzopardi kien politikament responsabbli mid-Dipartiment tal-Artijiet fi żmien li kien hu l-Ministru responsabbli minn dan id-Dipartiment (illum inbidel awtorità) li kellu f’idejh fost l-ikbar assi tal-pajjiż.
Issa r-rapporti li konna qegħdin nistennew huma lesti kollha. Forsi ma ntebħux bihom Ivan Camilleri, tat-Times of Malta, jew Stephen Calleja ta’ The Malta Independent, imma hemm qegħdin. Mijiet ta’ paġni u dokumenti annessi.
Id-deals skandalużi, dawk biss li sal-lum sirna nafu bihom permezz tal-mezzi tax-xandir, ilkoll għandhom it-timbru tal-istituzzjoni awtonoma tal-Awditur Ġenerali, li anke jekk ċertu deċiżjonijiet minn tiegħu kien hemm min iddubitahom u bir-raġun, ir-rapporti tiegħu xorta waħda ftit li xejn iħallu lok fejn wieħed idur.
Fiż-żmien li Jason Azzopardi kien responsabbli mid-Dipartiment tal-Artijiet ittieħdu fost l-iktar deċiżjonijiet skandalużi li permezz tagħhom mar ħażin min iħallas it-taxxa. Anke fejn ir-rapport tal-Awditur Ġenerali seta’ ħalla bieb imbexxaq minn fejn wieħed jgħaddi, ladarba wieħed jirnexxilu jiżgiċċa minnu, malajr jerġa’ jsib ruħu f’ħofra kbira għaliex f’deals li jiswew il-miljuni tal-ewro, qatt m’għandu jkun hemm lok ta’ imma.
Iżda, irid ikun hemm deċiżjonijiet ċari u spjegati bi trasparenza. Fil-każ ta’ Jason Azzopardi dan ma ġarax u f’rapport wara ieħor ismu jitfaċċa f’mumenti kruċjali tal-proċess fejn ittieħdet deċiżjoni. Xi minn daqqiet ikun hemm firma, filwaqt li f’każi oħra dik il-firma ma nsibuhiex għaliex nieqsa jkun hemm dokumenti importanti.
Huwa minnu li bħalissa l-Partit Nazzjonalista jinsab għaddej bi proċess ta’ tranżizzjoni wara l-ikbar telfa elettorali fl-istorja, iżda Jason Azzopardi reġa’ kien elett deputat u beħsiebu jilgħab rwol importanti fil-leġiżlatura li jmiss. Dan meta kollox jindika li messu rriżenja.
Illum inħarsu lejn il-famużi ħames rapporti dwar l-operat tad-Dipartiment tal-Artijiet fi żmien Jason Azzopardi. Rapport wara ieħor juru kif l-istandards għall-Partit Nazzjonalista ma jeżistux ladarba kien deċiż li ma jittieħdu ebda passi.
MORNA ĦAŻIN MAL-HSBC UKOLL
Deal ieħor li l-Gvern ma tantx mar tajjeb minnu u li ma sarx bil-livelli xierqa ta’ trasparenza kien l-akkwist ta’ bini mingħand l-HSBC fil-Belt Valletta.
Bħal fil-bejgħ jew kiri jew encroachments lanqas fix-xiri ma morna tajjeb b’Jason Azzopardi.
L-Awditur Ġenerali għamel rapport dwar dan id-deal fejn skont il-kuntratt tal-bejgħ, datat 22 ta’ Diċembru 2011, kien ilaħħaq iż-€2,220,000. Filwaqt li l-Gvern kellu wkoll iħallas lill-HSBC subċens annwali ta’ €69,071 għall-proprjetà, rivedibbli b’10 sa 30 fil-mija kull ħames snin.
Fir-rapport aħħari tiegħu, l-Awditur Ġenerali wera l-fehma li l-identifikazzjoni tal-proprjetajiet ma saritx b’mod trasparenti. Enfasizza li kellu jkun hemm proċess aktar miftuħ ta’ akkwist.
Saħansitra f’paġna 80 tar-rapport estensiv tiegħu, l-Awditur Ġenerali qal li l-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba kienu jeħtieġu li jsiru attentati biex wieħed janalizza s-suq u jara jekk kienx hemm proprjetajiet simili li jindirizzaw il-ħtieġa tal-Gvern u forsi setgħu jinxtraw bi prezz iktar vantaġġjuż, xi ħaġa li ma kinetx il-każ.
L-Awditur Ġenerali nnota kif imxew ukoll in-negozjati. Qal li dak li sar mill-Grupp tan-Negozjar kien wieħed difettuż minn aspetti varji. L-attenzjoni tal-Uffiċċju nġibdet lejn l-irwol tal-Grupp tan-Negozjar li wassal lill-Gvern biex jaqbel li jakkwista l-proprjetajiet fuq bażi tale quale għal €2,360,000. L-Awditur Ġenerali nnota kif saħansitra kien hemm nuqqasijiet fid-dokumentazzjoni li juru nuqqas ta’ kontabbiltà u trasparenza mistennija fi tranżazzjonijiet bħal dawn.
Saħansitra l-Grupp tan-Negozjar naqas milli jestabbilixxi l-kundizzjoni vera tal-proprjetajiet.
Dan ukoll kien responsabbli għalih Jason Azzopardi.
IR-RAPPORT TAL-ENCROACHMENTS
Fi tliet xhur qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali, meta Jason Azzopardi kien Ministru, Gvern Nazzjonalista ta l-ikbar numru ta’ artijiet b’encroachment, imqabbel mal-istess perjodu fis-snin ta’ qabel.
Iżda, dan ma kienx biżżejjed. Għamel dan bi prezzijiet iktar baxxi mill-minimu stabbilit. Dan ħareġ ukoll minn rapport tal-Awditur Ġenerali, f’dan il-każ ippreżentat f’Novembru 2015.
Ir-rapport ħares lejn l-encroachments li ngħataw mid-Dipartiment tal-Artijiet bejn Diċembru 2012 u Marzu 2013.
L-Awditur Ġenerali nnota kif il-Ministru responsabbli mid-Dipartiment tal-Artijiet, dak iż-żmien baqa’ joħroġ il-permessi sa lejlet l-elezzjoni ġenerali.
Fil-perjodu analizzat, ingħataw 25 permess ġdid. Fil-ġimgħa tal-elezzjoni nħarġu seba’ permessi. Wieħed minnhom saħansitra fil-jum tal-elezzjoni ġenerali nnifisha. U permess wieħed seta’ inkluda numru t’encroachments. Mill-11-il permess li ħarġu fl-aħħar ġimagħtejn qabel l-elezzjoni, tmienja minnhom ġew awtorizzati mill-eks Ministru Azzopardi.
Fir-rapport li kien ippubblika, l-awditur innota b’mod partikolari l-indħil ta’ Jason Azzopardi f’sejħa ta’ garaxx f’Santa Luċija, lokalità mid-distrett li tiegħu huwa deputat.
Minkejja li kien hemm tliet persuni oħra li esprimew interess għal din il-proprjetà qabel, permezz tal-intervent ta’ Jason Azzopardi, il-permess ħareġ lill-individwu magħżul ġurnata qabel l-elezzjoni. L-Awditur Ġenerali għamilha ċara li ma kellux ikun hemm indħil ta’ din il-kwalità. “NAO deems the intervention as unwarranted… intervention at this level should be avoided,” kien qal. Bl-Ingliż, biex nużaw kliemu b’mod preċiż.
L-Awditur Ġenerali nnota anomaliji u nuqqasijiet kbar ukoll fil-ħlasijiet ta’ dawk li ngħataw l-encroachments u li suppost huma stabbiliti, biex il-pajjiż tilef ammont konsiderevoli ta’ dħul fuq medda ta’ snin.
IL-KAŻ Löwenbräu
Il-każ Löwenbräu iddomina l-ewwel xhur ta’ din is-sena wara li r-rapport kien ħareġ ftit jiem qabel il-Milied tas-sena li għaddiet. Fir-rapport tiegħu l-Awditur Ġenerali kkonkluda li d-deputat Jason Azzopardi għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika għad-deal li bih il-Gvern daħħal biss €700,000 għal art ta’ €8 miljuni.
L-art ta’ 21,000 metru kwadru għal somma miżera minn gvern preċedenti lill-benefattur tal-Partit Nazzjonalista Żaren Vassallo li, xahar wara dan il-ftehim, ta kwart ta’ miljun ewro lill-istess Partit Nazzjonalista.
Fost l-iktar fatti li qajmu suspetti f’dan id-deal hemm il-mod li bih il-gvern preċedenti aċċetta li jinfeda ċ-ċens imma wkoll li jbigħ id-dirett dominju mingħajr riżoluzzjoni Parlamentari. Dan kien ifisser li tisparixxi l-kundizzjoni li dik l-art setgħet tintuża biss bħala birrerija, u b’hekk, Żaren Vassallo seta’ jiżviluppa l-istess art kif irid fl-imperu li nbena llum.
“Dan każ ta’ ħabs” kien qal l-eks Kummissarju tal-Artijiet f’xhieda qawwija u indikattiva f’kawża bejn il-kumpanija Marsovin u l-kuntrattur Żaren Vassallo quddiem l-Imħallef Joseph R. Micallef.
Minkejja li kien jokkupa l-ogħla kariga fid-Dipartiment tal-Artijiet, Albert Mamo żvela li dan id-deal sar minn wara dahru. Minflok, tħalla kollox f’idejn id-Direttur Ġenerali li, fi kliem Albert Mamo stess, lanqas kien jaf jagħmel distinzjoni bejn ċens u kera.
Żaren Vassallo nnifsu żvela li t-tneħħija tal-kundizzjoni kienet ilha miftiehma. F’affidavit, Vassallo qal li huwa kien interessat biss f’dik l-art ġaladarba jkun jista’ jibni li jrid fuqha. Il-Marsovin min-naħa tagħha assiguratu li kellha ftehim mal-Lands u l-Ministru responsabbli li l-kundizzjoni se tkun illiberata. L-Awditur Ġenerali, fir-rapport tiegħu, qal ċar u tond li minkejja ċ-ċaħdiet minn dawk involuti, il-fatti kollha tal-każ juru li l-verżjoni ta’ Żaren Vassallo hija kredibbli.
F’xhieda ġuramentata, Żaren Vassallo kixef kif, meta sar magħruf li l-kuntratt kien illegali, mar jitkellem mal-Lands u mal-Ministru responsabbli u r-risposta tagħhom kienet li lesti jpoġġu madwar mejda u jsibu kompromess. Fil-fatt il-kompromess intlaħaq, b’indikazzjoni ċara ta’ intervent politiku.
L-ART TA’ SPINOLA
Dan hu sit li l-Awditur Ġenerali qal li jiswa żewġ miljuni u erba’ mitt elf ewro (€2,400,000), id-Dipartiment tal-Artijiet taħt it-tmexxija ta’ Jason Azzopardi biegħu lill-kumpanija li tilfet kawżi l-Qorti fuq l-istess sit għal ħames mija ħamsa u għoxrin elf ewro (€525,000).
Din hi waħda mill-iktar konklużjonijiet li jispikkaw f’wieħed minn żewġ rapporti ta’ kundanna li l-Awditur Ġenerali ppubblika t-Tnejn filgħaxija. L-art fi Triq Spinola San Ġiljan inbiegħet lil Eighty Two Co. Ltd. L-awditur kien ċar ħafna meta qal li d-Dipartiment tal-Artijiet kellu kontroll dirett tal-valur li bih tgħaddi l-art għand din il-kumpanija. Meta ħares lejn il-valur li l-art inbiegħet bih, l-Awditur Ġenerali qal li l-valur għall-flus għad-Dipartiment ma kienx assigurat.
“Meta stabbilixxa l-prezz u bil-qbil li jidħol f’negozjati mal-kumpanija, id-Dipartiment tal-Artijiet naqas milli jissalvagwardja dħul ġust li jirrappreżenta l-valur tal-art,” qal l-Awditur Ġenerali f’paġna sebgħa ta’ rapport b’iktar minn 100 paġna. Dan dwar art li fuqha nbniet blokka appartamenti li f’deċiżjoni wara oħra tal-Qorti ntqal li kellha titwaqqa’ għax il-kumpanija involuta bniet fuq art tal-gvern mingħajr ma kellha dritt. Iżda, minflok esegwixxa d-deċiżjoni tal-Qorti, id-Dipartiment tal-Artijiet fi żmien Jason Azzopardi għadda lil din il-kumpanija l-art bi prezz ferm irħas mill-valur tas-suq.
U dan kollu sar b’mod li wieħed diffiċli jifhem. Ma tħallew ebda traċċi li joffru spjegazzjoni ta’ kif ġraw l-affarijiet u min iddeċieda xiex u meta. “L-involviment tal-Ministru, is-Segretarju Permanenti u l-Kap tas-Segretarjat mhumiex ċari għal dan l-uffiċċju, partikolarment minħabba d-dokumentazzjoni nieqsa,” jgħid l-Awditur li jinnota kif id-deċiżjonijiet ittieħdu wara laqgħa fejn dawn kienu preżenti.
IL-FEKRUNA WASLET
Rapport ieħor huwa dwar l-art tal-Fekruna fix-Xemxija li kif jikkonferma l-Awditur Ġenerali nnifsu dwarha sar kuntratt tlett ijiem qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2008.
Dan f’deal li l-valur tiegħu kien ilaħħaq ftit inqas minn ħames miljun ewro. Ftehim fejn il-gvern akkwista l-art tal-Fekruna lura u l-iżviluppatur li kellu din l-art ħa artijiet għall-iżvilupp fis-Swieqi u San Ġwann flimkien ma’ dejn maħfur li kellu mal-gvern.
L-uffiċċju tal-Awditur Ġenerali nnota kif ftehim b’dan il-valur miljunarju kien nieqes minn dettalji fil-file.
Fost oħrajn intqal kif ma nżamm ebda rekord tal-proċess li wassal għall-identifikazzjoni tal-artijiet għat-tpartit.
L-uffiċċju tal-Awditur Ġenerali qal li n-nuqqas ta’ dokumentazzjoni kien nuqqas serju ħafna li wassal biex l-uffiċċju ma setax jiddetermina żviluppi importanti, u għalhekk ma setax jestabbilixxi l-prinċipji ta’ governanza tajba, kontabbiltà u trasparenza.
Anke dwar in-nuqqas ta’ qbil fuq il-valur ma kienx hemm dokumentazzjoni u iktar minn hekk l-Awditur Ġenerali esprima dubji dwar il-proċess tal-arbitraġġ li nħatar f’dan il-każ.
Saħansitra l-Awditur jinnota kif rapport tal-IAID, id-dipartiment tal-Awditjar tal-Gvern, wera diskrepanza ta’ iktar minn miljun ewro kontra l-gvern. Hawn ukoll l-Awditur Ġenerali jinnota li l-interess tal-gvern seta’ kien issalvagwardjat aħjar. Xi ħaġa li ma saritx u oħroġ il-għaġeb hawn ukoll gawda benefattur tal-Partit Nazzjonalista, din id-darba bl-isem ta’ Raymond Vella.