Id-direzzjoni ekonomika b’saħħitha li qabad pajjiżna mhijiex xi ħaġa li qed jgħidha l-gvern iżda hija ikkonfermata minn żewġ sorsi differenti, ugwalment importanti.
Waqt intervent fuq One Radio, il-Prim Ministru Joseph Muscat stqarr li l-ewwel sors, u x’ aktarx l-iktar sors importanti li qed jikkonferma r-riżultati pożittivi li mmaterjaliżżaw f’ oqsma bħat-turiżmu, is-servizzi finanzjarji u il-qasam tal-manifattura fl-aħħar snin huma l-familji.
Muscat qal li l-familji qed iħossu d-differenza f’ buthom b’ prezz stabbli tal-petrol, diesel u tal-gass, roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma u roħs fil-prezzijiet tal- uniformijiet.
Stqarr li minkejja li għal uħud dawn jistgħu jidru affarijiet żgħar, għal ħafna familji għamlu differenza kbira.
Joseph Muscat sostna li mal-familji qed jaqblu ukoll l-esperti l-kbar internazzjonali, bħal Standard and Poors li din il-ġimgħa kellhom tbassir pożittiv ħafna għal pajjiżna-bir-roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma jilgħabu rwol importanti fit-tbassir li Malta se jkollha l-iktar ekonomija fl-Ewropa li timxi ‘l quddiem.
Il-Prim Ministru fisser kif rapport bħal dan joħloq kunfidenza f’ pajjiżna fost investituri barranin, li tagħmilha iktar faċli biex pajjiżna jattirhom. B’hekk ikompli jinħolo q iktar ġid, u jinqasam bejn kullħadd.
Muscat saħaq li l-unika persuna li mhux tirrikonoxxi r-realta tal-poplu u r-rapporti internazjonali u lokali huwa Simon Busuttil li fl-aħħar jiem, ma stmax rapport tal-awditur ġenerali bil-prominenza li biha stmaħ fix-xhur li għaddew. Quddiem ġudizzju iebes f’ rapport li kixef l-indħil ta’ Chris Said f’ miljuni ta’ fondi tal-kunsilli lokali u n-nuqqas ta’ governanza trasparenti, il-Kap tal-Oppozizzjoni injorah.
Irrimarka kif fuq naħa għandek rapport tal-uffiċju tal-Awditur Ġenerali jgħid ċar u tond li mhux qed jemmen li l-verżjoni li ta Chris Said u fuq in-naħa l-oħra għandek lil Simon Busuttil li qal li Said għandu skuża tajba.
Għaldaqstant, sostna Joseph Muscat, għal darb’ oħra reġa’ huwa ċar li l-Kap tal-Oppożizzjoni għandu kejl mod għalih u għal min jagħmel parti mill-grupp elite tiegħu u kejl ieħor għal kumplament tan-nies.
Hawnhekk irrefera għal żewġ każijiet riċenti oħra li jixhdu dan, dak tad-deputat nazzjonalista, Toni Bezzina u tas-Sindku tar-Rabat, Samuel Azzopardi li għalkemm instabu ħatja mill-qorti, għaddewha lixxa.