Fil-ġranet li ġejjin, il-familji ta’ tfal bil-kundizzjoni rari tal- phenylketonuria, se jirċievu vawċer monetarju biex jintefaq fuq l-ikel.
Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne fil-Parlament, meta kien qed jitkellem dwar it-tfal b’din il-kundizzjoni rari li taffettwa d-dieta tagħhom.
“Minn hawn u ftit ġranet oħra, jien infurmat li sal-aħħar ta’ dan ix-xahar, ħa nibdew noffru vawċers monetarji għal dawk il-familji li għandhom tfal bil-phenylketonuria. In-numru huwa żgħir imma anki jekk ikun hemm wieħed importanti li nieħdu ħsiebu biex dawn it-tfal li aħna stess inkunu skrinjajna biex insiru nafu li għandhom dil-problema, inkunu ċerti li qed jieklu d-dieta li suppost biex ma jkunx hemm konsegwenzi.”
Il-Ministru tas-Saħħa spjega fid-dettall x’inhi din il-kundizzjoni.
“Din hija kundizzjoni fejn tarbija titwieled normali imma jekk tiekol dieta normali li jkun fiha sustanza li tinsab prattikament fl-ikel kollu li fih il-proteini, jiġifieri fil-bajd, fil-laħam, fil-ħut, u f’ħafna affarijiet oħrajn, jekk tiekol din id-dieta normali, din it-tarbija li tkun twieldet normali, issirilha ħsara waqt li tkun qed tiżviluppa serja f’moħħha u fin-nervatura, li tkun irreparabbli.”
Din il-kundizzjoni ġenetika hija rari ħafna u fil-fatt, tolqot tarbija minn kull għaxart elef li jitwieldu.
Fl-aħħar snin, f’Malta bdew isiru t-testijiet fuq it-trabi malli jitwieldu biex ikun magħruf mill-ewwel jekk it-tarbija titwieled b’din il-kundizzjoni.
Huwa stmat li f’Malta jkun hawn tarbija kull sentejn, jew sentejn u nofs, li titwieled b’din il-kundizzjoni.
“Għandna inqas minn għaxart itfal li nafu li għandhom il-phenylketonuria u allura dawn l-għaxart itfal għandhom bżonn jieklu dieta li mhix dieta normali imma prattikament, dieta magħmula għalihom speċifikament li tiswa aktar flus milli tiswa dieta normali.”
Din hija waħda minn diversi miżuri tal-budget li minkejja li ma tolqotx l-eluf jew il-mijiet, hija importanti ħafna għall-ħajja ta’ dawn it-tfal.