Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, ħareġ b’argument ieħor li ma jagħmel ebda sens meta qal li huwa il-pajjiż li qed jagħmel is-suċċess, iżda mhux in-nies. Il-Partit Laburista qal li l-familji Malti u Għawdxin jistgħu iwieġbu huma stess jekk huma u l-pajjiż humiex aħjar minn sitt snin ilu.
Żied jgħid li Adrian Delia għadu ma fehemx punt bażiku wieħed: Il-pajjiż ma jistax ikun suċċess jekk in-nies ma jkunux suċċess. Filfatt, huwa bis-saħħa tan-nies li l-pajjiż huwa suċċess anke permezz ta’ deċiżjonijiet importanti li ħa l-Gvern fil-pjan tiegħu li beda fl-2013.
Adrian Delia sejjaħ it-tieni budget bla taxxi, it-tielet budget b’surplus, ir-raba’ budget bil-pensjonijiet u s-seba’ budget bi tnaqqis fl-income tax bla ebda viżjoni. Dan qalu, filwaqt li ma rrikonoxxa l-ebda miżura tajba minn madwar 170 miżura li fih il-Budget 2019. Għal kuntrarju, kien negattiv mill-bidu sal-aħħar, mingħajr ma jipprovdi soluzzjoni tanġibbli waħda għall-isfidi tal-pajjiż.
Budget 2019 joffri l-viżjoni biex f’dan il-pajjiż il-familji kollha Maltin u Għawdxin ikomplu jgħixu s-suċċess, temm jgħid il-Partit Laburista.