Il-familji li sfaw milquta mit-tiġrif tal-bini fil-Gwardamangia se jkunu qed joqgħodu f’erba’ appartamenti tas-suq privat li allokat l-Awtorità tad-Djar apposta għal dawn il-familji.
Fi stqarrija kien spjegat li l-Awtorità flimkien mal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, li ilhom f’kuntatt mal-familji għall-aħħar jiem, għamlet l-arranġamenti kollha biex lil dawn il-familji jinstabilhom post sigur fejn jgħixu wara li ntlaqtu minn din it-traġedja. Sa nhar it-Tnejn il-familji ġew ipprovduti wkoll b’akkomodazzjoni f’lukanda biex imbagħad jiċċaqilqu lejn dawn l-appartamenti li kollha jinsabu f’kundizzjoni tajba.
L-Awtorità tad-Djar żiedet tgħid li hija impenjata li, skont il-liġi, il-kuntrattur responsabbli jassumi l-ispejjeż kollha tal-akkomodazzjoni sakemm il-familji jirritornaw f’darhom wara li jitneħħa kull periklu mis-sit.
Il-Gvern se jkompli jsegwi dan il-każ mill-qrib flimkien mal-awtoritajiet kollha li għandhom x’jaqsmu mas-settur.
Il-binja fil-Gwardamangia li tinsab biswit sit ta’ kostruzzjoni ġġarrfet il-Ħamis filgħodu hekk kif sfronda l-ħajt diviżorju li jmiss mas-sit li qed jiġi skavat.
Għalkemm ħadd ma’ weġġa’ f’dan il-każ bosta persuni spiċċaw bla saqaf fuq rashom. Uħud anke ammettew ma’ ONE News li kienu ilhom xhur jilmentaw li seta’ kien hemm periklu fis-sit.
L-għada tal-każ ħaddiema tad-dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kienu involuti f’ħidma quddiem il-blokka biex joħorġu l-aktar affarijiet essenzjali għar-residenti fil-blokka.