F’għaxar snin, taħt Gvern Laburista, il-familji Maltin u Għawdxin iffrankaw aktar minn €1.4 biljun mill-kontijiet tad-dawl tagħhom. Dan hekk wara li, fl-2014, Gvern Laburista kien wettaq l-akbar wegħda elettorali tiegħu dak iż-żmien, dik ta’ roħs ta’ ħamsa u għoxrin fil-mija fil-kontijiet tad-dawl.
Minn dakinhar ’l hawn, il-prezz tal-enerġija baqa’ stabbli f’pajjiżna. Dan anke wara li bdiet il-Gwerra fl-Ukrajna u magħha faqqgħet il-kriżi fis-settur tal-enerġija, li rat il-prezzijiet jisplodew madwar id-dinja kollha.
Dwar dan, ONE News tkellem mal-Ministru responsabbli mill-Enerġija, Miriam Dalli, li fissret dan bħala aktar flus fil-but għall-familji għal kwalità ta’ ħajja aħjar u aktar flus għan-negozji biex ikomplu jinvestu għal aktar tkabbir ekonomiku u aktar impjiegi ta’ kwalità.
“Għamilna qabża enormi, jiġifieri fi żmien Gvern Nazzjonalista kellna fost l-ogħla kontijiet fl-Unjoni Ewropea. Illum għandna fost l-aktar kontijiet irħas fl-Unjoni Ewropea u din qegħdin nagħmluha bi ħsieb, għax irridu nħallu flus f’idejn il-familji tagħna.”
Hawnhekk il-Ministru Dalli semmiet eżempji ta’ kif il-familji Maltin u Għawdxin gawdew mir-roħs tal-kontijiet tad-dawl f’dawn l-aħħar għaxar snin.
“Pereżempju jkollok koppja li l-kont tagħhom jiġihom madwar €400 fis-sena, li kieku ma żammejniex il-prezzijiet stabbli, dak il-kont kien jaqbeż it-€800 u l-istess kieku jkollok familja b’erbgħa li bħalissa l-kont tagħha jiġiha €670, li kieku ma żammejniex il-prezzijiet stabbli, kieku dak il-kont qabeż l-€1,200.”
Il-Ministru Dalli nnotat id-differenza bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista fis-settur tal-enerġija.
“Irridu naċċertaw ruħna li l-familji tagħna jkollhom is-serħan il-moħħ. Niftakru fi żmien Gvern Nazzjonalista meta qabad u għolla l-kontijiet. Mhux biss kellek ħafna familji li spiċċaw lanqas jagħmlu ċerti affarijiet li kienu jagħmlu qabel. Kellek ħafna industrija li bdiet tagħlaq il-bibien tagħha, kellek ħafna postijet tax-xogħol li waqgħu lill-ħaddiema tagħhom bil-4-day week, kellek ħafna ħaddiema li kienu inċerti dwar il-futur tagħhom.”