Fl-aħħar tliet snin ta’ sfidi internazzjonali bla preċedent, il-familji Maltin u Għawdxin iffrankaw mat-tmin mitt miljun ewro, grazzi għall-politika ta’ stabbiltà mħaddna mill-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela.
Dan ġie nnotat mill-Ministru responsabbli mill-enerġija, Miriam Dalli, waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Is-Saħħa lill-Maltin’.
Dalli spjegat li, minn Ġunju tal-2021, Gvern Laburista investa xejn inqas minn €632 miljun, bil-għan li jżomm stabbli l-prezzijiet tal-enerġija. Ma’ dan kien hemm ukoll investiment ta’ €138 miljun fil-prezzijiet tal-fuels u €36 miljun fil-prezzijiet tal-gass.
Ma’ dawn mhemmx magħdud ir-roħs ta’ 25% fil-prezzijiet tal-enerġija, li kien iddaħħal fis-seħħ għaxar snin ilu, fl-ewwel sena ta’ Gvern Laburista wara li tela’ fil-Gvern fl-2013.
Hawnhekk Dr Dalli sostniet id-differenza bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista.
“Id-differenza hi ċara. Partit Laburista li jaħseb b’viżjoni u Partit Nazzjonalista li joħroġ bi proposti, mingħajr ma jkun qiegħed iqis il-piżijiet li joħloq. Dan hu Gvern dejjem fuq in-naħa tal-poplu.”
Il-Ministru Miriam Dalli
Waqt din il-konferenza kien hemm preżenti wkoll il-kandidat Laburista Għawdxi għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Thomas Bajada.
Bajada sostna kif il-politika ta’ stabbiltà mħaddna minn Gvern Laburista qed tagħti serħan il-moħħ lill-familji Għawdxin u Maltin. B’dan ifisser li l-familji jistgħu jinvestu fil-futur tagħhom u din hi l-politika tal-Partit Laburista li tagħti s-saħħa lill-Maltin.
“U grazzi għal din l-istabbiltà, il-Gvern jista’ jħares lejn aktar investimenti li jindirizzaw l-isfidi ta’ kull wieħed u waħda minna, l-isfidi futuri li għandna bħala pajjiż. Dan biex nibnu futur dejjem aktar, dejjem aktar b’saħħtu li jagħti s-saħħa lill-Maltin u lill-Għawdxin ħalli nkunu nistgħu nħarsu ’l quiddiem b’ottimiżmu u tama.”
Il-Kandidat Laburista għall-PE Thomas Bajada