Billi l-Gvern qed iżomm il-prezzijiet tal-enerġija, il-fjuwils, u l-gass stabbli, il-familji Maltin u Għawdxin qed jiffrankaw mill-inqas €1,700 fis-sena.
Jindikaw dan ċifri uffiċjali li kiseb ONE News u li jkomplu juru l-effettività tal-miżuri tal-Gvern li, permezz tagħhom, Malta għandha l-irħas kontijiet tal-enerġija u l-inqas rata ta’ inflazzjoni fl-Unjoni Ewropea.
Fil-fatt, dawn iċ-ċifri juru kif il-familji f’pajjiżna, bil-prezzijiet kurrenti fis-suq, qed jiffrankaw milli jħallsu €892.03 fi fjuwils jekk jikkunsmaw medja ta’ €25 fil-ġimgħa.
IL-PREZZ TAL-FJUWILS
IFFRANKATI €892.03 FIS-SENA
(KONSUM TA’ €25 FIL-ĠIMGĦA)
F’ċilindri tal-gass, il-familji Maltin u Għawdxin qed jiffrankaw milli jonfqu madwar €90 fis-sena jekk jużaw medja ta’ 6 ċilindri fis-sena.
IL-PREZZ TAĊ-ĊILINDRI TAL-GASS
IFFRANKATI €90 FIS-SENA
(KONSUM TA’ 6 ĊILINDRI FIS-SENA)
Dan filwaqt li, jekk jikkunsmaw 15-il unit ta’ dawl kuljum, qed jiffrankaw €717.23 fis-sena.
IL-PREZZ TAL-ELETTRIKU
IFFRANKATI €717.23 FIS-SENA
(KONSUM TA’ 15-IL UNITÀ KULJUM)
B’hekk, b’kollox, il-familji Maltin u Għawdxin qed jifdlilhom minn tal-inqas €1,699.26 f’buthom fis-sena.
Dan huwa ekwivalenti għal paga addizzjonali ta’ ħaddiem b’salarju medju, li skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fl-2022, tlaħħaq €1,706, jew inkella żewġ pagi addizzjonali ta’ persuna bil-paga minima.
Intant, l-istess ċifri uffiċjali li kiseb ONE News juru li bħalissa familja f’Malta tonfoq seba’ fil-mija mid-dħul tagħha f’kontijiet tad-dawl, tal-fjuwil, u tal-gass.
Madankollu, mingħajr l-għajnuna tal-Gvern, din iċ-ċifra titla’ għal 13 fil-mija, total ta’ €4,100, mid-dħul tagħha.
L-INFIQ FUQ IL-KONTIJIET TAL-ENERĠIJA F’SENA
BL-GĦAJNUNA TAL-GVERN – 7% (€2,400)
MINGĦAJR L-GĦAJNUNA TAL-GVERN – 13% (€4,100)
Dwar dan, ONE News, ħa r-reazzjoni tal-Ministru responsabbli mill-Enerġija, Miriam Dalli.
Hija sostniet li dak li qed jiġri f’pajjiżna jikkuntrasta għal kollox ma’ dak li qed iseħħ f’pajjiżi bħall-Italja, fejn saħansitra l-ħwienet kummerċjali qed iwaħħlu l-kontijiet tad-dawl tagħhom mal-bibien ta’ barra biex juru d-differenza fil-ħlas fil-kontijiet minn sena għal oħra.
Dan qed jagħmluh anke biex jiġġustifikaw iż-żieda fil-prezzijiet tagħhom sabiex iżommu l-bibien tagħhom miftuħa għall-pubbliku.
“Is-sitwazzjoni internazzjonali hi dik li hi. Qed naraw anke, bieb ma’ bieb magħna, fl-Italja, fejn għandek nies li qed juru l-kontijiet tagħhom li huma 4 darbiet aktar għolja għaliex ħadna deċiżjoni konxja, bħala Gvern, li nżommu l-prezzijiet tal-enerġija kollha stabbli f’dan il-pajjiż. Jiġifieri qed nitkellmu dwar il-prezz tal-fjuwil, il-prezz taċ-ċilindri tal-gass, u anke dwar il-prezz tad-dawl. Ifisser li ’l-familji tagħna qegħdin, bħala Gvern, niffrankawlhom medja – u din hija stima konservattiva – ta’ €1,700 fis-sena.”
Il-Ministru Miriam Dalli
Il-Ministru Miriam Dalli fakkret li li kieku kien għall-politika tal-Partit Nazzjonalista, pajjiżna kien jiddependi biss mill-interconnector li llum il-ġurnata, minħabba l-gwerra fl-Ukrajna, il-prezz tal-enerġija minnu sploda għal 500%.
“Li kieku pajjiżna kien jiddependi mill-Interconnector biss – ejja ma ninsewx li, ftit tas-snin ilu, kellek Partit Nazzjonalista li kien jgħid li l-impjant tal-LNG pajjiżna ma kellux x’jambih – kellna drabi minnhom fejn il-prezz tal-interconnector tela’ għal €0.80c għal kull unit tad-dawl, ikkumparat mal-medja ta’ madwar €0.135c għal kull unit tad-dawl li titħallas f’pajjiżna. Immaġina, kieku, il-piż fuq il-familji tagħna.”
Il-Ministru Miriam Dalli