Hekk kif, kaġun tal-gwerra fl-Ukrajna, madwar l-Ewropa kollha, bosta familji u negozji għadhom qed jissieltu mal-ispiża għolja tal-enerġija, studju li sar madwar l-Ewropa wera li, fi Frar li għadda, il-familji f’Malta kellhom l-inqas piż xi jġorru għall-prezzijiet tad-dawl fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi.
Il-prezzijiet tal-enerġija f’dan l-istudju kienu bbażati fuq dejta miksuba minn eżerċizzju mwettaq minn kumpanija li tqabbdet mir-regolaturi tal-enerġija tal-Awstrija u tal-Ungerija biex tiġbor u tippubblika regolarment klassifika tal-prezzijiet tad-dawl u tal-gass fost 33 pajjiż Ewropew, inklużi s-27 Stat membru tal-Unjoni Ewropea.
Meta l-istudju, li ġie ppubblikat mill-Euronews, aġġusta l-prezzijiet tad-dawl tal-pajjiżi differenti skont l-istandards tal-kapaċità tal-akkwist tal-familji f’kull pajjiż, irriżulta li, fost l-Istati membri tal-Unjoni Ewropea, il-prezzijiet tad-dawl għar-residenti varjaw minn €14.10/kWh f’Malta – li hu l-aktar baxx – għal massimu ta’ €51.60/kWh fiċ-Ċekja.
Wara ċ-Ċekja, il-pajjiżi Ewropej li r-residenti tagħhom qed ikollhom – meta wieħed iqis l-istandards tal-kapaċità tal-akkwist – iġorru l-ikbar piż fl-Ewropa għall-enerġija jinkludu l-Italja (€49.10/kWh), il-Ġermanja (€44.5/kWh), l-Irlanda (€41.6/kWh), u r-Renju Unit (€41.5/kWh).
Il-prezz medju għall-enerġija fl-Unjoni Ewropea fi Frar, skont l-istandard tal-kapaċità tal-akkwist tal-familji, kien €30.80/kWh, li huwa ogħla aktar mid-doppju minn ta’ Malta.
Meta l-istudju qies il-prezzijiet tal-enerġija kif attwalment huma fil-pajjiżi Ewropej, mingħajr ma jikkunsidra l-kapaċità tal-akkwist tal-familji, Malta klassifikat bit-tieni l-orħos prezz tal-elettriku fl-Unjoni Ewropea: dak ta’ €12.30/kWh, bit-taxxi inklużi. Fl-Unjoni Ewropea, hija biss l-Ungerija li għandha prezzijiet tal-enerġija orħos minn ta’ Malta. L-ogħla prezz tal-elettriku residenzjali fl-Ewropa huwa dak tal-Irlanda: €49.90/kWh, li huwa iktar minn erba’ darbiet ogħla mill-prezz f’Malta.
Malta ma kinitx tkun f’pożizzjoni li tippermetti li l-familji jġorru l-inqas piż fl-Ewropa għall-prezz tal-elettriku kieku ma kienx għall-miżuri f’waqthom fejn fost oħrajn intefqu aktar minn €1.1 biljun f’sussidji għal dan il-għan.
Dan jissarraf f’għajnuna ta’ madwar €2,000 fis-sena għal kull familja.
Fuq l-allokazzjoni ta’ fondi nazzjonali bħala persentaġġ mill-Prodott Gross Domestiku (PGD), l-istudju Ewropew sab li Malta qed tinvesti t-tieni l-akbar appoġġ, wara l-Ġermanja. Madankollu, meta wieħed iqis li l-prezzijiet tal-enerġija fil-Ġermanja huma mal-erba’ darbiet ogħla minn ta’ Malta, l-għajnuna offruta mill-gvern Malti, li qed jassorbi kull żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils, hi ferm aktar sinifikanti minn dik tal-Ġermanja.
Meta mistoqsija dwar din l-istatistika, l-Ministru responsabbli mill-enerġija, Miriam Dalli, stqarret kif l-għajnuna li qiegħed jagħti l-Gvern tirrifletti l-politika tiegħu, dik li jwieżen lill-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin.
“Dan il-Gvern ma riedx jirrepeti dak li kien ra taħt Gvern Nazzjonalista fis-sena 2010 meta rajna li quddiem kriżi ħafna iżgħar minn din Gvern Nazzjonalista tefa’ l-piż fuq il-familji u n-negozji bil-konsegwenzi kollha tagħhom. Aħna ridna li dan il-pajjiż, li n-nies tiegħu wara l-esperjenza tal-pandemija, hekk kif għaddejjin fi żmien ta’ gwerra fl-Ukrajna naraw li nkomplu nsostnu lil poplu. Dik hija l-politika tagħna.”