Ċifri tal-Bank Ċentrali ta’ Malta jindikaw li, f’Novembru li għadda, l-ammont ta’ flus li għandhom iddepożitati mal-banek il-familji Maltin u Għawdxin qabeż it-€18.1 biljun għall-ewwel darba fl-istorja.
Dan ifisser medja ta’ €32,100 kull persuna.
Fl-2013, fi tmiem l-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista, id-depożiti tal-familji f’pajjiżna kienu biss inqas minn tmin biljun jew medja ta’ €18,500 kull persuna.
Li jfisser li, bħala medja, id-depożiti f’pajjiżna kważi rdoppjaw fuq medda ta’ 11-il sena.
Matul it-tnax-il xahar qabel Novembru, id-depożiti tal-familji mal-banek żdiedu bi kważi €1.3 biljun, l-akbar żieda f’sena li qatt ġiet osservata fl-istorja ta’ pajjiżna.
Din, fil-fatt, kienet tammonta daqs iż-żidiet matul il-ħames snin tal-aħħar Gvern Nazzjonalista meħudin flimkien.
Il-qagħda finanzjarja qawwija tal-familji f’pajjiżna llum hi riflessa wkoll f’żieda qawwija fid-depożiti tan-negozji.
Dawn fil-fatt qabżu l-erbgħa punt żewġ biljun ewro, li jfisser rekord assolut ieħor. Fl-aħħar tnax-il xahar in-negozji ddepożitaw kważi nofs biljun ewro aktar mal-banek lokali, żieda ta’ 13% fuq sena qabel.
Anke l-entitajiet governattivi tejbu bil-kbir id-depożiti tagħhom mal-banek tant li dawn issa qabżu l-€1.2 biljun, żieda ta’ kważi mitejn miljun ewro f’sena.
Minħabba ż-żieda qawwija fid-depożiti, il-banek lokali qed igawdu minn likwidità kbira u, għaldaqstant, mhumiex qed iżidu l-imgħax fuq id-djun magħhom, b’differenza għal dak li qed iseħħ fil-bqija tal-Ewropa fejn il-familji u n-negozji huma mgħaffġin bil-piżijiet fenomenali.
Bħala medja, żgħażagħ Ewropej qed jiffaċċjaw rata ta’ self ta’ 3.44% fuq dejn għal xiri ta’ proprjetà residenzjali, meta f’Malta din hi ta’ 1.79% jew l-inqas fl-Ewropa.
B’mod sempliċi, imqabblin mal-medja Ewropea, iż-żgħażagħ f’pajjiżna qed jiffrankaw kważi €5,000 f’imgħax kull sena fuq dejn ta’ €300,000. Minbarra hekk, first time buyers f’pajjiżna jingħataw għotja ta’ elf ewro fis-sena mill-Gvern, li tfisser piż li hu 40% biss ta’ dak fil-bqija tal-Ewropa.