Il-familji Maltin bl-inqas dħul annwali kellhom l-akbar żieda fid-depożiti bankarji minn fost il-familji taż-Żona Ewro fl-istess livell ta’ dħul. Dan joħroġ minn riżultat ta’ stħarriġ ppubblikat mill-Bank Ċentrali Awstrijak b’kordinazzjoni mill-Bank Ċentrali Ewropew.
Dan tħabbar mill-gazzetta KullĦadd, li kkwotat dan l-istudju.
Minnu joħroġ li l-familji Maltin b’assi taħt il-medja nazzjonali kellhom depożiti mal-banek, ras għal ras, li jammontaw għal madwar €9,400 fi tmiem l-2012. Sa nofs l-2023 dawn kienu żdiedu b’aktar minn 106% għal €19,400. Żieda medja ta’ €10,000 ras għal ras.
Kien f’Malta biss li d-depożiti ta’ dawk bl-inqas dħul irdoppjaw fuq din il-medda ta’ snin. Bil-maqlub, il-medja fiż-Żona Ewro ta’ depożiti ta’ dan it-tip żdiedu minn €5,810 fl-2012 għal €8,040 sena ilu.
Dan ifisser li ż-żieda f’Malta kienet kważi tliet darbiet iżjed minn dik li ġiet osservata fiż-Żona Ewro.
Ta’ min jinnota li, skont l-istatistika kumparattiva ppubblikata mill-Bank Ċentrali Awstrijak, jirriżulta li l-familji foqra ta’ Ċipru u l-Greċja raw id-depożiti tagħhom jonqsu fl-aħħar snin. Il-familji foqra Taljani raw it-tifdil tagħhom jiżdied b’għaxar darbiet inqas minn dawk f’pajjiżna.
Meta wieħed iħares lejn il-livell tad-depożiti bankarji tal-familji l-aktar foqra f’Malta, wieħed isib li dan hu t-tieni l-akbar madwar iż-Żona Ewro. Dan hekk kif huma biss il-familji fil-Lussemburgu li għandhom depożiti aqwa minn dawk tal-familji Maltin.
Il-familji Maltin bi dħul baxx għandhom livell ta’ depożiti li hu aktar mid-doppju tal-medja taż-Żona Ewro. Meta mqabblin ma’ familji tal-istess tip fl-Italja, il-familji Maltin għandhom depożiti li jlaħħqu għal tliet darbiet aktar.
L-inqas livell ta’ depożiti bankarji simili nstab li hu fis-Slovakkja, fejn il-familji bl-inqas assi għandhom sitt darbiet inqas taħt rashom minn dak li għandhom dawn il-familji f’pajjiżna.
Din l-istatistika ġġib fix-xejn in-narrattiva tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista li, fl-aħħar snin, il-foqra f’pajjiżna saru ifqar. Ir-realtà hi li l-qagħda finanzjarja ta’ dawk l-aktar fil-bżonn f’pajjiżna tjiebet bid-doppju ta’ li kienet taħt Gvern Nazzjonalista u issa saret waħda mill-aqwa fost il-pajjiżi taż-Żona Ewro.
Kontra l-politika ta’ awsterità mħaddma mill-amministrazzjonijiet Nazzjonalisti u minn diversi gvernijiet preżenti fl-Ewropa, il-politika progressiva ta’ Gvernijiet Laburisti fl-aħħar 11-il sena wasslet għal titjib qawwi fil-qagħda finanzjarji tal-familji bl-inqas dħul.