Il-Gvern qed jagħti stabbiltà fil-prezzijiet anki jekk kien hemm min qal li ma tista’ tagħmel xejn iżda għalina ma kienx aċċettabbli li ma nkunux mal-poplu.
Dan kien messaġġ li għadda l-Prim Ministru għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti fuq it-tema tal-inizjattiva li ħabbar il-Ħamis il-Gvern dwar stabbiltà fil-prezzijiet ta’ 400 prodott essenzjali tal-ikel.
“Sabbat saqajja fl-interess tal-poplu għaliex kellna għażla quddiemna jew li nagħmlu hekk u nagħtu stabbiltà jew inkella nħallu s-suq, isuq, kif qaltilna l-Oppożizzjoni”, innota l-Prim Ministru li fisser kif il-ftehim li ntlaħaq il-Gvern qed jagħti stabbiltà u jipproteġi lin-nies.
Il-Prim Ministru sostna li l-Gvern żamm politika kostanti ta’ investiment fin-nies fuq żewġ binarji, jiġifieri li jitfa’ l-flus fil-bwiet tan-nies permezz ta’ għadd ta’ miżuri bħaċ-ċekk tar-rifużjoni tat-taxxa għall-ħaddiema u bil-mekkaniżmu addizzjonali għall-għoli tal-ħajja fost oħrajn. Il-Prim Ministru qal li l-ġid li qed iqassam il-Gvern lin-nies ma jridx li jittieħed minn affarijiet oħra u għalhekk intervjena b’inizjattiva li tħabbret il-Ħamis u anki bis-sussidju fl-enerġija.