Il-Baġit għas-sena d-dieħla, bit-tema ‘Malta Ġusta’ huwa baġit li jagħti prijorità lid-dħul tal-familji, il-ħaddiema, il-pensjonanti u l-middle-class, iżda li joffri wkoll triq ekonomika sostenibbli li tibqa’ toħloq il-ġid, minkejja l-instabbilità internazzjonali kbira.
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Partit Laburista f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mid-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista, Daniel Micallef, u l-President tal-Partit Laburista Ramona Attard.
Id-Deputat Mexxej, Daniel Micallef, semma fost oħrajn kif evolva l-benefiċċju tal-in work-benefit, li llum jilħaq parti sostanzjali mill-middle class.
Semma wkoll il-mekkaniżmu li jiġġieled l-għoli tal-ħajja, fejn f’dan il-Baġit ġiet estiża l-eliġibiltà għal dan il-mekkaniżmu b’riżultat li l-benefiċċjarji se jirdoppjaw għal 95,000 familja.
Micallef spjega kif dan il-Baġit huwa bbażat fuq il-manifest elettorali, Malta Flimkien, filwaqt li għal darb’ oħra, huwa wieħed li ma jintroduċi l-ebda taxxa ġdida.
“Huwa Baġit li jkompli jimplimenta l-viżjoni Malta Flimkien, huwa Baġit li jkompli jagħti sostenn lill-familji, lin-negozji, lill-pensjonanti u lill-middle class. Nitilqu mill-pedament ta’ kollox, l-ekonomija tagħna, qiegħda u se tkompli, toħloq il-ġid. Fl-aħħar għaxar snin, pajjiżna laħaq livelli ta’ tkabbir u ġid bla preċedent. Dan il-Baġit se joħloq prosperità ekonomika, biex ikompli jsaħħaħ il-pedamenti għal ekonomija tal-futur.”
Il-President tal-Partit Laburista, Ramona Attard emfasizzat id-differenza fil-viżjoni politika bejn il-partiti politiċi.
“Din hija wkoll waħda mid-differenzi ewlenin tal-viżjoni politika, bejn iż-żewġ partit politiċi. Kieku bqajna mexjin fuq it-tmexxija, ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti, kieku kissirna il-middle class. Minflok, għal baġit konsekuttiv ieħor komplejna insostnu l-familja middle class.”
Intant f’din il-konferenza tal-aħbarijiet ingħataw eżempji differenti ta’ familji u l-benefiċċji kollha li se jkunu qed igawdu minnhom bil-budget Malta Ġusta.
Familja ta’ tliet persuni, single parent u żewġt ulied bi dħul ta’ €27,000 se tkun qed tibbenefika minn madwar €2,850 fis-sena f’żieda fl-in-work benefit, children’s allowance, pagament mill-mekkaniżmu addizzjonali kontra l-għoli tal-ħajja, żieda tal-COLA u sussidju fuq il-kontijiet tad-dawl u ilma.
Familja b’żewġ ġenituri u żewġ ulied, b’salarju flimkien, li d-dħul tagħha jammonta għal €35,000, se tkun qed tibbenefika minn żieda ta’ madwar €4,000 fis-sena, permezz tal-inwork-benefit, children’s allowance, il-pagament mill-mekkaniżmu addizzjonali kontra l-għoli tal-ħajja, żieda tal-COLA, u sussidju fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
Intant, f’eżempju ieħor, il-Partit Laburista spjega kif familja magħmula minn żewġ ġenituri u żewġ ulied, b’wieħed minnhom li beda l-edukazzjoni post sekondarja, u bi dħul ta’ €40,000, se tkun qed tibbenefika mill-inwork-benefit, children’s allowance, il-pagament mill-mekkaniżmu addizzjonali kontra l-għoli tal-ħajja, iż-żieda tal-COLA u s-sussidju fuq il-kontijiet tad-dawl u ilma u b’hekk se jmorru minn fuq b’ €4,250.
Bi dħul ta’ €43,000, żewġ ġenituri bi tliet ulied, bil-mara taħdem part time, se jmorru minn fuq, b’ €4,250, permezz tal-inwork-benefit, children’s allowance, il-pagament mill-mekkaniżmu addizzjonali kontra l-għoli tal-ħajja, iż-żieda tal-COLA u s-sussidju fuq il-kontijiet tad-dawl u ilma.
Dan filwaqt li familja b’żewġ ġenituri u bi dħul ta’ €45,000, b’żewġ ġenituri, u l-mara ma taħdimx, li tibbenefika mill-pagament mill-mekkaniżmu addizzjonali kontra l-għoli tal-ħajja, iż-żieda tal-COLA, u s-sussidju fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, u b’hekk se tmur minn fuq b’ €2,725.
Min-naħa l-oħra, familja ta’ żewġ ġenituri u żewġt ulied, fejn l-omm ma taħdimx u t-tfal li joqgħodu mal-ġenituri it-tnejn qabżu s-sittax imma ma jaqilgħux qligħ taxxabbli, u bi dħul ta’ €45,000, se tibbenefika minn madwar €2,725 fis-sena.