F’laqgħa tal-kumitat għall-kontijiet pubbliċi ġie diskuss f’dettal il-programm ta’ childcare b’xejn offrut mill-Gvern. Fost l-oħrajn, hawn spikkaw ċifri li juru żieda qawwija ta’ attendenza ta’ tfal f’dan il-programm mis-sena 2013 ‘l hawn.
Hawn ħareġ ukoll li l-familji f’Malta li jagħmlu użu minn dan is-servizz jiffrankaw mill-inqas erbat elef ewro kull sena.
Il-ħlas min-naħa tal-Gvern sabiex isostni dan is-servizz żdied b’mod sinjifikanti wkoll. Fil-fatt, mill-2014 sal-2019, in-nefqa tal-Gvern fuq dan is-servizz żdied b’aktar minn għoxrin miljun ewro.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Jobsplus, Alexia Vella fehemet ukoll li qabel l-2013, in-nuqqas ta’ childcare bla ħlas kien ostaklu speċjalment għan-nisa biex jidħlu fil-post tax-xogħol iżda s-servizz taċ-childcare ma kienx l-unika miżura li daħħal il-Gvern li kkontribwixxa għaż-żieda tan-nisa jaħdmu. Miżuri oħra li żiedu din il-parteċipazzjoni kienu miżuri bħall-inwork benefits.
Fil-fatt, mhuwiex kumbinazzjoni li l-preżenza tan-nisa fil-post tax-xogħol mill-2013 żdiedet b’mod sostanzjali.
Hija qalet: “Il-persentaġġ ta’ nisa li jaħdmu żdied bi ħdax punt sebgħa fil-mija mill-elfejn u tlettax. Hemm kellna qabża tajba ħafna anka meta nikkumparaw ma’ Stati Membri tal-Unjoni Ewropea.”
Minkejja ż-żmien ta’ sfidi li ġabet magħha l-pandemija, il-Kap Eżekuttiv Vella qalet li f’Novembru biss fetħu erba’ ċentri ġodda taċ-childcare li jagħtu dan is-servizz u fi żmien qrib, dan is-settur mistenni jkompli jikber.