Fondi tal-LESA ssarrfu fi proġett ta’ riġenerazzjoni tal-Ġnien Lorry Sant f’Raħal Ġdid, proġett imwettaq mill-Kunsill Lokali.
Proġett li ġie inawgurat mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, fil-preżenza tas-Sindku Dominic Grima.
Il-Ministru Camilleri qal li l-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid kien fost l-ewwel kunsilli li għaraf juża l-iskema tal-LESA fejn tiffinanzja proġetti varji f’diversi lokalitajiet.
“Bis-saħħa ta’ dan il-proġett ir-residenti ta’ Raħal Ġdid għandhom spazju miftuħ riġenerat fil-qalba tal-lokalità li joffri post ta’ trankwillità. Dan anke għaliex bħala parti minn dan il-proġett tħawwlu diversi siġar maturi li joffru kenn. B’kollox, matul dawn l-aħħar tliet snin, l-aġenzija LESA se tkun investiet €3 miljun fi proġetti fil-lokalitajiet, u kif ħabbarna ftit tal-jiem ilu, din l-aġenzija reġgħet allokat €3.3 miljun oħra għat-tliet snin li ġejjin. L-impenn tagħna, permezz ta’ dawn il-fondi, jibqa’ li nagħtu lill-komunitajiet tagħna, lokalitajiet aktar sbieħ u siguri.”
Fid-diskors tagħha s-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli faħħret l-impenn tal-kunsill lokali ta’ Raħal Ġdid li għamel użu minn dawn il-fondi addizzjonali sabiex jindirizza bżonn fil-lokalità tiegħu. “Dan il-ġnien ser joffri spazju miftuħ u rikreattiv għar-residenti tal-madwar, fejn jistgħu jqattgħu ħin ta’ kwalità.”
Is-Segretarju Parlamentari appellat lill-kunsilli lokali sabiex iressqu ‘l quddiem proġetti u inizjattivi, li permezz ta’ din l-iskema jistgħu jiġu implimentati għat-titjib tal-lokalitajiet u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti.
Is-Sindku ta’ Raħal Ġdid, Dominic Grima, irringrazzja l- LESA għas-sostenn tagħha f’dan il-proġett. Huwa qal li inizjattivi bħal dawn ikunu ta’ sostenn għall-Kunsilli Lokali
“Grazzi għal dan il-proġett, ir-residenti ta’ Raħal Ġdid għandhom spazju miftuħ ieħor fejn jistgħu jirrikreaw lilhom infushom. Dan huwa katina minn għadd ta’ proġetti oħra għar-residenti ta’ Raħal Ġdid,” temm jgħid is-Sindku Grima.
Il-LESA għaddiet mat-€80,000 għal dan il-proġett ta’ riġenerazzjoni li kien fost 62 proġett li saru f’Malta u Għawdex tul l-aħħar tliet snin u li fuqhom l-aġenzija investiet aktar minn €3 miljun, migbura minn taħrikiet.
Preżenti għal din l-inawgurazzjoni kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-LESA, Svetlick Flores.