Filwaqt li, fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, f’Malta hawn l-inqas tħassib fuq il-kontijiet tad-dawl, is-sitwazzjoni fil-kontinent hija different ferm. Fil-fatt, ġiet irreġistrata żieda ta’ 8 fil-mija fil-familji Ewropej li qegħdin iħossu l-għafsa fuqhom, partikolarment kaġun tal-kontijiet tal-enerġija.
Il-gazzetta ‘KullĦadd’ irrappurtat li, mill-ħames ħarġa fis-sensiela ta’ stħarriġiet immexxija minn Eurofound – il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib fil-Kundizzjonijiet tal-Għajxien u x-Xogħol – joħroġ li, fir-rebbiegħa li għaddiet, kien hemm 53 fil-mija tal-familji Ewropej li ddikjaraw diffikultajiet finanzjarji biex ilaħħqu mal-kontijiet meta, fl-istess perjodu tal-2021, dawn kienu 45 fil-mija.
B’kuntrast, f’pajjiżna, dawk li qalu li qed jesperjenzaw l-istess problema kienu 12 fil-mija, persentaġġ inqas sew mill-medja Ewropea. Barra minn dan, hemm qabża ta’ 51 fil-mija bejn Malta u l-pajjiż Ewropew bl-akbar persentaġġ – li huwa l-Greċja – fejn 63 fil-mija taċ-ċittadini ddikjaraw li għandhom problemi simili.
L-istudju jikkonkludi li l-għoli tal-ħajja fl-Unjoni Ewropea qiegħed jiżdied b’livelli mingħajr preċedent, b’rata ta’ inflazzjoni medja ta’ 8 fil-mija fost il-pajjiżi, li primarjament ġejja minn prezzijiet ogħla tal-enerġija.
Minbarra l-prezz tal-kirjiet għall-akkomodazzjoni u d-djun fuq self għad-djar, li baqgħu dejjem kostanti mill-bidu tal-pandemija fl-2020, il-problema bi ħlasijiet tal-kontijiet qiegħda ssir iżjed komuni.
Il-gazzetta ‘KullĦadd’ irrimarkat li, waqt li fl-aħħar ġimgħat il-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech, iddeskriva dawn il-problemi fl-Ewropa bħala skużi biex il-Prim Ministru Malti ma jsostnix lill-poplu, fil-verità jirriżulta minn statistika uffiċjali Ewropea li pajjiżna għandu l-inqas inkwiet f’dan ir-rigward, grazzi għall-miżuri li ttieħdu fuq bażi nazzjonali.
B’riżultat tal-għajnuniet mill-Gvern biex iżomm stabbli l-prezzijiet tal-enerġija u tal-fjuwils, fost l-oħrajn, il-poplu għandu ferm inqas piż fuq moħħu bl-inkwiet ta’ spejjeż li ma jistax ilaħħaq magħhom.
F’pajjiżna għandna wkoll fost l-inqas rati fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi ta’ nies b’arretrati x’jitħallsu.