Il-familja ta’ Miriam Pace, li mietet mirduma f’darha stess f’Marzu tas-sena l-oħra, qalet li hi qatt ma ssuġġeriet piena ta’ ħabs għall-akkużati mixlija bil-qtil involontarju tal-omm ta’ 54 sena.
Permezz tal-avukati tagħha, il-familja Pace qalet li hi ma riditx vendetta u riedet biss issir ġustizzja u mhux inġustizzja.
Dan kollu ntqal fl-isfond ta’ sentenza tal-Qorti li bosta rreaġixxew u ħafna ma niżlitilhom xejn tajjeb li żewġ periti weħlu xogħol komunitarju u multa ta’ eluf ta’ ewro.
Fl-għoti tas-sentenza tiegħu, il-Maġistrat Dr Joseph Mifsud sab lill-Perit Roderick Camilleri ħati tal-akkużi kollha mressqa kontrih, fosthom anki li bi traskuraġni kkaġuna ħsara fil-proprjetà tal-istess vittma kif ukoll fi tliet proprjetajiet oħra.
Camilleri ta’ 37 sena mir-Rabat ġie ordnat li jagħmel xogħol bla ħlas fil-komunità għal 480 siegħa.
Huwa ġie mmultat €10,000.
Il-Perit Anthony Mangion ta’ 73 sena mill-Gżira nstab ħati ta’ żewġ akkużi fosthom ta’ qtil involontarju u ġie ordnat jagħmel xogħol bla ħlas fil-komunità għal 400 siegħa.
Il-Qorti ordnatlu wkoll jħallas multa ta’ €8,000.
Iż-żewġ persuni misjuba ħatja ġew ordnati wkoll iħallsu l-ispejjeż tal-Qorti bejniethom li jammontaw għal kważi €19,300.
Fis-sentenza ssemma wkoll li diġà sar ftehim mal-parte civile dwar ħlas ta’ danni.
Fuq dan il-każ hemm żewġ akkużati oħra, Ludwig Dimech ta’ 38 sena minn Ħaż-Żebbuġ, li kien il-kuntrattur u Nicholas Spiteri ta’ 43 sena mill-Imqabba, li kien qed jaħdem fis-sit li fih seħħ il-każ.
Dawn it-tnejn mistennija jgħaddu ġuri.
Intant il-Qorti wkoll ma ħassitx li għandha tiskwalifika liż-żewġ periti mil-liċenzji tagħhom bħala periti.
Fuq dan ikkummentat il-Kamra tal-Periti li ħarġet stqarrija.
Fil-fatt il-Kamra tal-Periti qalet li hi mhiex xi klabb jew assoċjazzjoni li fiha tista’ tkeċċi xi membri tagħha.
Saħqet li hija regolata bil-liġi u għalhekk ma tistax tieħu passi ulterjuri fil-konfront taż-żewġ periti misjuba ħatja.
Irrimarkat li l-passi kollha ttieħdu mill-Qorti.