Il-qraba ta’ Lourdes Agius – il-mara li fis-sigħat bikrin tas-Sibt instabet mejta fgata fil-kamra tas-sodda tagħha, talbu l-għajnuna finanzjarja lill-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa, u lill-pubbliku inġenerali, biex ikunu jistgħu jippjanawlha l-funeral.
L-istess Fondazzjoni se tkun qed tirrapreżenta lill-familja tal-vittma fil-proċeduri legali.
Kelliema għall-Fondazzjoni qalet ma’ ONE News li minbarra l-għajnuna legali u assistenza finanzjarja għall-funeral, il-familja tal-vittma se tingħata wkoll għajnuna mill-Fondazzjoni għal kwistjonijiet fejn għandhom x’jaqsmu s-sitt uliedha.
Fuq Facebook, il-Fondazzjoni wegħdet li se ssir ġustizzja, u talbet l-għajnuna tal-pubbliku għall-ispejjeż tal-funeral.
Għal dan il-għan twaqqaf kont tal-bank apposta fejn wieħed jista’ jiddepożita l-flus.
Is-suspettat ewlieni f’dan il-każ huwa s-sieħeb tal-vittma – Michael Emmanuel ta’ tmienja u għoxrin sena mill-Kosta tal-Avorju. Huwa ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-Qorti l-Ħadd akkużat bil-qtil tagħha.