- TLIET MISTOQSIJIET GĦAL BUSUTTIL
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, il-Ministru Edward Zammit Lewis u Gino Cauchi tkellmu fuq il-fatti li saru magħrufa l-bieraħ dwar il-Partit Nazzjonalista.
Intqal li l-Partit Laburista ma setax ma jikkummentax dwar il-falzità ta’ Simon Busuttil. Ilu erba’ snin jikkampanja fuq good governance u trasparenza. Issa nqabad bl-aktar mod ċar kemm kiser il-good governance fil-finanzjament tal-partit tiegħu. Kien jiktellem fuq good governance meta hu stess kien jeżiġi li jitħallsu mill-privat l-ogħla karigi ta’ nies fil-PN.
Dan mhux qed jgħidu l-Partit Laburista, intqal waqt l-konferenza tal-aħbarijiet, imma l-grupp db, kif tista’ tara fi stqarrija hawn taħt.
Kien innotat li kien Busuttil li talab li l-pagi jitħallsu mid-db. Simon Busuttil kien jaf li l-ħlasijiet qed isiru. Dan kollu meta kienet għaddejja kwistjoni dwar Mario Demarco u l-parteċipazzjoni tiegħu fid-deal tal-ITS.
Simon Busuttil għandu jwieġeb:
- Meta sar jaf bl-involviment ta’ Demarco? Jekk kien jaf, ta l-kunses tiegħu?
- Hemm deals oħra bejn Simon Busuttil u negozjanti fuq il-ħlas ta pagi ta’ uffiċjali oħra tal-Partit Nazzjonalista?
- Il-ħlas tal-pagi lis-Segretarju Ġenerali u Kap Eżekuttiv tal-PN, ġew iddikjarati?
L-istess kap tal-Oppożizzjoni lbieraħ qal li l-PN m’hu fil-but ta’ ħadd. Dan qalu meta kien jaf li l-ogħla żewġ karigi fil-PN qed jitħallsu mill-privat.
Minn naħa kien qed jitlob lil Demarco jirrinunzja mix-xogħol professjonali tiegħu, u fl-istess jum il-grupp db kien qed jiġri warajhom biex iħallsu lura l-pagi ta’ nies fil-PN; aġir li jesponi dejjem aktar il-falzità ta’ Busuttil.