Il-falkunerija llum il-ġurnata hija sinonima mal-immaniġġjar u l-konservazzjoni tal-bijodiversità u attivitajiet oħra edukazzjonali li huma relatati, stqarr il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia.
Waqt żjara mill-Malta Falconers Club, il-Ministru sostna li t-tekniċi fil-falkunerija huma użati b’mod wiesgħa fil-konservazzjoni u r-rijabilitazzjoni tal-għasafar tal-priża – għar-ripopolazzjoni u r-rintroduzzjoni ta’ dan it-tajr fl-ambjent naturali tiegħu.
Waqt li saħaq dwar l-importanza ta’ proġetti ta’ rijabilitazzjoni u rintroduzzjoni, il-Ministru qal li proċessi bħal dawn diġà qed isiru f’pajjiżna u qed jiġu mgħejjuna, bħall-proċess ta’ rintroduzzjoni tal-barbaġann mill-Federazzjoni tal-Kaċċaturi, Nassaba u Konservazzjonisti (FKNK) fir-Razzett tal-Bagħal fil-Buskett.
Il-Ministru tkellem dwar effetti u użi oħrajn tal-falkunerija, u spjega kif din tista’ tnaqqas l-effetti negattivi minn ċertu attivitajiet tal-bniedem fuq l-abitat naturali li jwasslu għal inqas tibdil fl-abitat jew l-użu ta’ pestiċidi għall-kontroll tal-pesti.
Fil-fatt, bejn l-2019 u l-2020 l-ERA diġà approvat diversi proġetti pilota għall-kontroll tal-pesti fuq Kemmuna, biex tinvestiga l-possibiltà li sistemi ta’ kontroll bħal dawn jiġu wżati għall-kontroll fil-popolazzjoni ta’ speċi differenti ta’ pesti fil-Gżejjer Maltin. Dan huwa approċċ aktar proattiv minn dak tal-użu ta’ kimiċi jew ta’ culling.
Il-President tal-MCF Lucas Micallef iddeskriva l-falkunerija bħala għodda importanti għall-bijodiversità li tista’ twassal għal effetti pożittivi fuq l-ambjent, l-abitati u l-madwar. Huwa qal li l-eradikazzjoni u l-kontroll tal-pesti tgħin lill-bijodiversità lokali biex tiffjorixxi, bħal dak li qed jiġri f’Kemmuna, u kif ukoll għas-sigurtà pubblika u l-preservazzjoni tal-patrimonju kulturali ta’ pajjiżna.