Fil-maġġoranza tal-każijiet l-istudenti tal-liġi fl-Università ta’ Malta ser ikunu assesjati b’assignments milli eżamijiet mid-dar. Hekk stqarret il-fakultà tal-liġi fi stqarrija b’risposta għall-istqarrija tal-Għaqda Studenti tal-Liġi. Il-fakultà stqarret li l-istudenti ilhom jingħataw l-lezzjonijiet id-dar minn ġimgħa wara li ngħalqu l-iskejjel. Dan hekk kif f’dik il-ġimgħa l-letturi kienu mħarrġa kif għandhom jagħmlu l-lezzjonijiet tagħhom online.
Il-fakultà stqarret ukoll li m’huwiex veritier li l-istudenti tteħdilhom id-dritt għall-vot hekk kif vot formali jittieħed biss meta jkun hemm nuqqas ta’ qbil serju fuq xi ħaġa partikolari. Xi ħaġa li l-Għaqda Studenti għal-Liġi qalu li kien hemm fl-istqarrija tagħhom. Iżda l-fakultà stqarret li ħadd ma talab għal vot formali. Qalet li d-deċisjoni ttieħdet wara diskussjoni ta’ iżjed minn siegħa u b’dibattitu li fih ir-rappreżentanti tal-istudenti kellhom ċans iressqu l-ilmenti.