Roberta Metsola se tmur tagħmel diskors fl-Università ta’ Malta u, biex is-sala tkun mimlija, Il-Fakultà tal-Liġi qed tobbliga lill-istudenti tagħha biex imorru ta’ bilfors.
Permezz ta’ korrispondenza mibgħuta l-Ħamis, intqal lill-istudenti li din il-lecture tal-kandidat tal-Partit Nazzjonalista u President tal-Parlament Ewropew il-Ġimgħa hi “mandatorja”.
Din kienet imejl li ntbagħtet bħala tfakkira u saħansitra bħala mezz ta’ pressjoni, wara li kienet diġà ntbagħtet oħra fil-jiem ta’ qabel. Iżda, hekk kif bħal donnu dan ma kienx biżżejjed, ftit wara, intbagħtet imejl oħra u ntqal lill-istudenti li l-fakultà waqqfet l-attivitajiet kollha li kienu skedati għall-ġurnata.
Fil-fatt tħassru l-lectures ta’ dak il-ħin biex l-istudenti jkunu obbligati jmorru din it-taħdita li, għall-Fakultà tal-Liġi, hi waħda mandatorja.
ONE News hu informat li dawn id-deċiżjonijiet ittieħdu wara li l-uffiċċju ta’ Metsola u l-Fakultà tal-Liġi kienu f’komunikat regolari bejniethom u l-uffiċċju ta’ Metsola beda jagħmel pressjoni li ma riedx jara sala vojta.
Fost l-aktar persuni influwenti f’din il-fakultà Universitarja hemm l-eks Ministru Nazzjonalista Tonio Borg.