Waqt laqgħa tal-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet ta’ Għawdex, fejn kienet diskussa s-sigurtà fil-gżira, l-Assistent Kummissarju Kenneth Haber u l-Professur tal-Kriminoloġija Saviour Formosa xejnu għal kollox l-allegazzjonijiet li l-kriminalità f’Għawdex qed tiżdied, kif irid ibellagħha l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex Alex Borg.
Meta mistoqsi direttament mill-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, dwar jekk kienx hemm żieda fir-reati, l-Assistent Kummissarju qal li l-istatistika turi l-kontra ta’ dak li implika Alex Borg, li qed jinqabad, darba wara l-oħra, ixerred fake news.
Dwar każ ieħor li l-Kelliem Ewlieni Nazzjonalista ta stampa differenti, l-Assistent Kummissarju spjega l-fatti kif ġraw.
Din id-dikjarazzjoni kkonfermat li dik, li tpinġiet bħala ġlieda kbira, fil-fatt kien inċident sfortunat, filwaqt li argument f’Marsalforn kien fil-fatt każ fejn persuna waqgħet minn fuq siġġu fi stabbiliment tax-xorb.
Sadanittant il-Kriminologu Saviour Formosa stqarr li każ wieħed jew tnejn ma jfissrux li saret in-norma.
B’esperjenza ta’ tletin sena fis-suġġett, il-Professur Formosa kompla jgħid li l-istatistika turi li r-rata ta’ serq f’Għawdex hi inqas mill-medja f’Malta u ħafna inqas mill-medja fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Dan l-aħħar ukoll Alex Borg ikkonferma waħdu li l-fake news, li kien qed jipprova jxettel dwar xi splużjoni ta’ kriminalità minn barranin f’Għawdex, ma kienet xejn iżjed minn fake news oħra.
Fil-fatt mistoqsija Parlamentari, li għamel hu stess lill-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard, fejn talab iċ-ċifri dwar kemm tressqu persuni l-Qorti fl-aħħar ħames snin fuq reati kriminali li twettqu f’Għawdex, partikolarment dawk ta’ ċittadinanza barranija, żvelat li dawk, li ġew akkużati bihom quddiem il-ġustizzja, fil-maġġoranza assoluta kienu Maltin jew Għawdxin.
It-tendenza ta’ barranin akkużati b’reati kriminali f’Għawdex kienet l-istess kull sena bejn l-2018 u Settembru ta’ din is-sena u baqgħet ma nbidlitx.