Il-Bajja tal-Fajtata f’Wied il-Għajn bdiet ittajjar il-Bandiera li tindika li issa hija meqjusa bħala Beach of Quality. Dan l-unur huwa l-ewwel pass biex, eventwalment, anki din il-bajja jkollha wkoll il-Bandiera l-blu.
Il-Bandiera l-blu hija ċertifikat ekoloġiku tal-bajjiet tagħna li hu rikonoxxut madwar id-dinja kollha.
Bħalissa pajjiżna għandu 12-il bajja li jtajru l-Bandiera blu.
Kull bajja bil-bandiera blu trid iżżomm l-istandards ta’ dan iċ-ċertifikat. Fost il-kriterji biex bajja tingħata l-bandiera blu insibu l-aċċessibilità għall-persuni b’diżabilità, is-sikurezza bis-servizz ta’ life guards, il-kwalità tal-baħar, l-indafa – anki b’faċilitajiet għas-separazzjoni tal-iskart; u tabelli bl-informazzjoni.
Vince Attard, ir-Rappreżentant tal-Bandiera l-Blu għal Malta u l-President tan-Nature Trust, tkellem magħna dwar l-investiment li jsir ta’ kull sena biex il-bajjiet iżommu mat-32 kriterju biex ikomplu jtajru l-bandiera l-blu. Huwa tkellem magħna kif il-blue flag għolliet l-istandards tal-bajjiet minħabba li n-Nazzjonijiet Uniti rrikonoxxew il-blue flag bħala tikketta li tindika turiżmu sostenibbli.
Vince Attard qal “‘Beach of Quality’ hija bajja li tilħaq 70 fil-mija tal-kriterji li għandhom il-bajjiet li għandhom il-Blue Flag, li hija eco-label internazzjonali għat-turiżmu għall-bajjiet. Għandna 32 kriterju li jinqasmu f’erbgħa: il-moniteraġġ u l-immaniġġjar tal-bajja, għandek il-health and safety, u nittestjaw ukoll il-kwalità tal-ilma. Għandek ukoll l-informazzjoni għal kulħadd, u li l-bajja hija safe biex kulħadd ikollu moħħu mistrieħ li m’hemmx problemi u li tkun aċċessibbli għal kull persuna li trid tuża l-bajja.”
Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm ukoll is-Sindku ta’ Wied Il-Għajn, Mario Calleja, iċ-Chairman tal-Awtorità tat-Turiżmu Gavin Gulia, u l-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo.
Il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li, għall-ewwel darba għandna bajja fin-Nofsinhar tal-pajjiż bit-tikketta ‘Beach of Quality’.