Waslu fi stadju avvanzat sabiex il-faċilitajiet ta’ tindif tat-tankijiet li hemm fil-Bajja tar-Rinella jitneħħew.
Dan biex jonqos l-inkonvenjent għar-residenti tal-Kottonera.
Dan hekk kif nhar it-Tnejn li ġej, il-Kumitat tal-Verifika tal-Parlament se jiddiskuti ir-rilokazzjoni tal-faċilitajiet tat-tindif.
Din il-faċilità tat-tindif tat-tankijiet ilha ħafna snin tittratta likwidu mill-bastimenti li jaslu fil-Port il-Kbir. Gvern Nazzjonalista ried imexxi dan l-impjant f’żona barra mil-limiti tal-iżvilupp f’Birżebbuġa.
Dawn it-tankijiet ta’ tindif, li huma mmexxija minn kumpanija privata, kienu jintużaw mit-tankers biex inaddfu t-tankijiet tagħhom mill-iskart qabel ma jimxu fit-tarzna madankollu, dawn it-tankijiet ħolqu inkonvenjenza fost ir-residenti u dawk li jżuru l-bajja tar-Rinella, minħabba t-tniġġis li jiġġeneraw.
Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Kottonera Glenn Bedingfield spjega li din hija wegħda li saret mill-istess Fondazzjoni u tifforma parti minn strateġija iktar wiesgħa iffukata fuq il-Kottonera.
Bedingfield innota li l-bajja tar-Rinella, li hija l-unika, issa se tkun tista’ titgawda aktar bla xkiel u rwejjaħ.
Bedingfield stqarr, “Din hija l-unika bajja li hawn fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta, l-unika bajja li hawn f’din iż-żona li tkun frekwentata ħafna minn nies. Riċentament minħabba li l-infrastrutura hija antika ukoll kien hawn ċertu irwejjaħ, u dan kien ta’ dwejjaq għal residenti allura fejn se ikunu rilokati se ikun hemm investiment f’tagħmir ġdid.”