Anke jekk f’jum is-silenzju, meta wieħed jikteb opinjoni politika personali fuq il-profil jew il-paġna tiegħu fuq Facebook ma jkun qed jagħmel xejn ħażin.
Lejliet l-elezzjoni ġenerali huwa jum sinonimu ma’ dak li hu magħruf bħala jum ir-riflessjoni u f’dinja fejn il-komunikazzjoni nbidlet ħafna l-isfida għal dan hi waħda naturali.
Ħafna għandhom l-ispazju tagħhom fuq Facebook u jużawh biex sal-aħħar jibqgħu jgħaddu l-battuti politiċi. Anke jek b’rata ħafna inqas milli rajna tul il-ġimgħat tal-kampanja elettorali.
Id-deċiżjoni dwar din il-kwistjoni ttieħdet mill-Kummissjoni Elettorali wara li l-Partit Nazzjonalista lmenta magħha għaliex qal li kien hemm messaġġi ta’ kandidati tal-Partit Laburista li kienu għadhom iduru fuq facebook bi sponsor magħhom.
Il-Partit Nazzjonalista ħareġ jgħid li l-Kummissjoni Elettorali naqset milli taġixxi skont ir-rwol Kostituzzjonali tagħha. Iżda, il-Kummissjoni Elettorali ddeċidiet li filwaqt li wieħed jista’ jikteb ħsieb personali, anke jekk politiku, mhumiex permessi avviżi bi ħlas, sponsored, magħrufa fid-dinja tal-Facebook.
Biex jum is-silenzju kompla jieħu perspettiva differenti. Anke għaliex fuq ċerti blogs u siti personali baqgħu għaddejin kitbiet li dwarhom ma sarux ilmenti.