Bosta artisti moderni u kontemporanji Maltin u x-xogħolijiet tagħhom, ingħataw ġieħ permezz ta’ projezzjonijiet viżwali fuq il-faċċata tal-Kavallier ta’ San Ġakbu fil-lejl tal-Ġimgħa. Din il-projezzjoni bl-isem ‘Jumpstart: An Incomplete Timeline” kienet waħda mill-attivitajiet tal-MICAS Summer Collection.
L-għan ta’ dan il-proġett huwa li jiġu esposti b’mod viżwali x-xogħlijiet tal-artisti Maltin li taw kontribut fl-iżvilupp tax-xena tal-arti kontemporanja f’pajjiżna f’kuntrast mal-avvenimenti nazzjonali u internazzjonali li seħħew fl-istess żmien.
Waqt konferenza stampa l-kuraturi, Katya Micallef u Georgina Portelli saħqu kif l-projezzjonijiet jesploraw il-mixja tal-arti mill-ewwel dehra ta’ Malta fil-Biennale ta’ Venezja fl-1958 sal-parteċipazzjoni b’Homo Melitensis fl-2017.
L-kuratriċi tal-arti kontemporanja u l-Kap tal-Esebizzjoni tas-Sajf tar-Royal Academy of Arts f’Londra, Edith Devaney wkoll tefgħet dawl fuq l-importanza li tkun iddokumentata l-arti kontemporanja u kif dan jgħin l-istoriċi tal-arti, l-arkivisti u l-kuraturi tal-lum.
“I’m talking about my experience in contemporary arts and modern arts and curating exhibitions and how the archiving and gathering of information on artist’s work is vital to what we do.”
Waqt it-tnedija uffiċjali tal-proġett, l-uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt, Valletta Catherine Tabone qalet li inizjattivi bħal dawn ikomplu jvarjaw il-kultura fil-Belt u jagħmluha iżjed aċċessibli.
Il-Ministru Owen Bonnici saħaq kif wieħed mill-objettivi tal-MICAS huwa li jkun hemm għarfien pubbliku usa’ dwar it-tifsir tal-arti viżiva fil-ħajja kontemporanja.
Iċ-ċelebrazzjoni sajfija tal-MICAS qed tkun organizzata b’kollaborazzjoni mal-Agenzija Kulturali tal-Belt Valletta u bl-appoġġ ta’ Heritage Malta u Spazju Kreattiv. JUMPSTART: An Incomplete Timeline se tkun proġettata wkoll fuq Forti Sant’ Anglu sad-19 ta’ Lulju.