Il-pumpiera tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jistgħu jqisuhom xortihom tajba li ħelsuha ħafif wara li seħħet splużjoni waqt operazzjoni tat-tifi tan-nar li għaddejja fil-fabbrika tat-Twistees f’Santa Venera.
Kien għall-ħabta tal-4.30 ta’ waranofsinhar meta daħal rapport ta’ nirien f’maħżen fi Triq il-Ħarrub. Sigħat wara, l-operazzjoni għadha għaddejja.
In-nirien tant kienu kbar li nfirxu ma’ bosta żoni tal-binja, bid-daħna sewda tintlemaħ minn żoni differenti tal-pajjiż. Il-pumpiera ħadu fuq il-post madwar 70,000 litru ta’ ilma.
ONE News hu infurmat li diversi tankijiet taż-żejt u materjal ieħor jinsabu maħżuna fil-fabbrika, bil-membri tal-Protezzjoni Ċivli jassistu fuq il-post b’vetturi speċjalizzati tat-tifi tan-nar, fosthom żewġ bowsers tal-ilma kbar u t-turn table ladder, li jintuża sabiex jitfa’ volum ta’ ilma minn ġot-twieqi fil-parti ta’ fuq tal-binja.
Wara siegħa u nofs bin-nar jaqbad, waqt li l-pumpiera kienu għaddejjin bl-operazzjoni tat-tifi tan-nar fil-binja, instemgħet splużjoni. Uħud mill-pumpiera dehru ħerġin mit-twieqi tal-maħżen, jevakwaw iż-żona fejn seħħet l-isplużjoni bħala prekawzjoni.
Minn ġol-fabbrika nħarġu wkoll numru ta’ trakkijiet li jintużaw fit-tqassim tal-prodotti. Fil-ħin li ħa n-nar ma kien hemm l-ebda persuna fil-fabbrika u ħadd ma ġie rrapurtat li sofra xi ġrieħi.
Minkejja dan, bħala prekawzjoni fuq il-post waslu numru ta’ timijiet mediċi mill-Isptar Mater Dei.
L-operazzjoni tat-tifi tan-nar qed titmexxa mid-Direttur tal-Protezzjoni Ċivili, Peter Paul Coleiro.
F’appell fuq il-Facebook, il-Pulizija avżat lill-pubbliku sabiex jevita ż-żona u sabiex dawk li jgħixu fil-viċinanzi jżommu l-bibien u t-twieqi magħluqin.