Il-Eurovision, is-saħħa mentali, it-tieġ, u iżjed mużika.
Dawn il-ħsibijiet f’moħħ Christabelle, li l-ġimgħa ddieħla se tirrapreżenta lil pajjiżna f’Lisbona fil-Eurovision Song Contest.
F’intervista ma’ ONE NEWS, Christabelle fakkret kif bir-rebħa tagħha f’pajjiżna wasslet messaġġ b’saħħtu dwar is-saħħa mentali; u tenniet ir-rieda tagħha wara dan kollu: li tkisser it-taboo.
Tenniet “Jien mhux qed ngħid lill-pubbliku biex ovvjament joħorġu fil-pubbliku u jgħidu ‘isma’ jien għandi problema’. Jien qed ngħidilhom sibu għajnuna professjonali, u l-għajnuna qiegħda hemm.”
Fil-fatt spjegat li wara l-Eurovision se tkompli taħdem favur aċċess iktar faċli għal servizzi ta’ saħħa mentali.
Tkellmet dwar esperjenza li bikkitha.
Christabelle qalet li “Ikun hemm ħafna jieħdu r-ritratt il-Belt. U forsi jagħmlu ġest lilhom dawn in-nies kienu jaffetwawhom ħażin…taf kif…ma tistax tgħid persuna x’tista’ tagħmlilha. Bkejt jien wara li ġratli, allavolja jien persuna strong. Ma tkunx taf persuna minn xiex inhi għaddejja. Allura għalfejn tipprova twaqqa’ għaż-żufjett lil dak li jkun?”
Christabelle, fl-ewwel ta’ Mejju tmur Lisbona. Hemm se tagħmel numru ta’ provi għall-ispettaklu tagħha, li dwaru żvelatilna xi dettalji. Fost l-oħrajn innutat li ħabba r-regola li l-palk ma jistax ikollu iktar minn 6 persuni, ma setgħetx ittella’ ż-żeffiena kollha.
Hi spjegat li “Se jkolli erba’ backing vocalists u żeffiena waħda.”
Tenniet li qed jaħdmu b’tali mod biex dawk it-tliet minuti spettaklu jkunu l-aqwa possibbli.
Mistoqsija kurjuża: x’tagħmel Christabelle qabel titla’ fuq il-palk?
Sostniet “Ikolli l-flask li dejjem nixrob minnu, bil-ġinger u l-lumi u hekk, u nixrob lilu, u nrodd is-salib. Inkun irrid noqgħod waħdi, ma nkun irrid noqgħod ma’ ħadd. That’s it, kemm inrodd is-salib u nibda.”
Christabelle se tkanta fl-għaxra ta’ Mejju – fit-tieni semifinali. Semifinali iebsa ħafna hekk kif fiha hemm bosta kanzunetti tajbin.
U dejjem bit-tama li tagħti l-aqwa wirja u tagħmel unur lil pajjiżna, il-mistoqsija tiġi naturali: x’se tagħmel wara li l-Eurovision jispiċċa?
Hi spjegat li “Se nkun qed nahdem fuq mużika ġdida ukoll, u se jibdew il-preparamenti tat-tieġ ghax fl-aħħar tas-sajf se niżżewweġ. Iġifieri kollox ma’ kollox”