Il-Eurovision għas-sena d-dieħla se jsir f’Rotterdam, fl-Olanda.
Dan tħabbar mill-istazzjon NPO biex b’hekk ġie kkonfermat l-għajdut li ħareġ fl-aħħar jiem fejn jidher li żball tekniku fuq is-sit uffiċjali tal-Eurovision kixef il-belt li se tilqa’ l-akbar spettaklu televiżiv fid-dinja.
Finalment it-tellieqa kienet bejn Rotterdam u Maastricht.
Il-kapitali Amsterdam kienet irtirat mit-tellieqa.
It-tliet spettakli, jiġifieri żewġ semi-finali u l-finali se jsiru f’Rotterdam Ahoy Arena.
L-ewwel semi-finali se jsir it-Tlieta 12 ta’ Mejju segwit mit-tieni semi-finali li se jsir jumejn wara u l-finali fis-16 ta’ Mejju.
Din l-arena tesa’ mas-17,000 ruħ u t-tim tal-produzzjoni wara l-Eurovision 2020 jinsabu kunfidenti li bil-loġistika li toffri s-sala se joffru spettaklu mill-isbaħ.
L-Olanda rebħet il-Eurovision għal ħames darba f’Tel Aviv permezz tal-kantant Duncan Laurence u l-kanzunetta tiegħu Arcade.