Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg, attendiet għall-Pride March fi Vjenna, bil-għan li tkompli tippromwovi l-EuroPride Valletta 2023, li se ssir f’Malta mis-7 sas-17 ta’ Settembru.
F’dan l-avveniment, li għalih kienu preżenti aktar minn 300,000 ruħ, Rebecca Buttigieg kellha l-opportunità li tindirizza lill-folla b’diskors favur it-tisħiħ tad-drittijiet ċivili u l-ugwaljanza madwar l-Unjoni Ewropea.
Rebecca Buttigieg enfasizzat l-impenn ta’ Malta biex trawwem soċjetà inklużiva u ugwali. Hija spjegat il-qabża ’l quddiem li għamlet Malta tul dawn l-aħħar snin sabiex illum tinsab fil-quċċata tal-klassifika tar-Rainbow Index.
“Waqt il-Pride Month inkomplu naħdmu favur ugwaljanza fil-ħajja ta’ kuljum. Mumenti u attivitajiet bħal dawn jipprovdu pjattaforma b’saħħitha għas-soċjetà ċivili sabiex twassal il-messaġġ tagħha kontra d-diskriminazzjoni li għadha teżisti sal-lum, inklużi l-omofobija u t-transfobija,” qalet is-Segretarju Parlamentari. “Bħala Gvern, se nibqgħu impenjati li nassiguraw li pajjiżna jkompli jkun minn ta’ quddiem fid-drittijiet ċivili, bil-għan li nservu ta’ eżempju b’saħħtu għal kull pajjiż fl-Unjoni Ewropea sabiex jimxi fuq il-passi tagħna u jilleġiżla favur aktar drittijiet ċivili li jassiguraw l-ugwaljanza.”
Il-EuroPride 2023 f’Malta se jkun importanti fl-istorja tad-drittijiet ċivili f’pajjiżna. Wara li ġenerazzjonijiet sħaħ iffaċċjaw snin twal ta’ preġudizzji koroh, fl-aħħar deċennju Malta għamlet qabżiet impressjonanti ’l quddiem, b’riformi li jassiguraw l-ugwaljanza u bidliet li daħħlu l-libertà.