L-aġenzija Ewropea għall-koperazzjoni fl-inforzar tal-liġi, il-EUROPOL, tellgħet ritratt tal-Malti Jomic Calleja Maatouk fost l-aktar persuni mfittxijin. Dan wara li l-awtoritajiet Maltin ħarġu mandat t’arrest internazzjonali fil-konfront tiegħu.
Il-mandat fil-konfront ta’ Jomic, li għandu 37 sena, ixxerred pubblikament ilbieraħ fuq is-sit internazzjonali tal-aġenzija b’ritratt tal-akkużat, fost lista ta’ persuni oħrajn li qed jiġu mfittxijin minn pajjiżi oħrajn Ewropej.
F’Lulju li għadda, Jomic Calleja minn Ħaż-Żebbuġ intbagħat 5 snin ħabs wara li l-Qorti sabitu ħati li kkonfoffa ma’ persuni barra mill-pajjiż biex jimporta f’Malta splussiv mill-Istati Uniti.
Fil-Qorti ħarġu wkoll messaġġi, li kisbu l-investigaturi u li l-imputat kellu ma’ persuni oħrajn biex jikseb ukoll materjal tat-tip Polonium 210, Ricin u Fentanyl. Dawn huma sustanzi velenużi li meta jitħalltu mal-ilma joqtlu lill-vittmi tagħhom f’inqas minn ġimagħtejn.
Fil-proċeduri ġie spjegat ukoll li, malli Calleja ma rnexxilux jikseb dawn it-tip ta’ veleni, hu rrikorra għall-isplussivi. Hu pprova jixtri l-veleni mid-dark web, bl-investigaturi Maltin jiġu notifikati bit-tentattivi ta’ Calleja minn servizzi sigrieti barranin.
Bdil ta’ messaġġi juru wkoll li l-veleni li pprova jixtri Calleja kienu mmirati għal persuna li għandha tul ta’ bejn 165 u 175 ċentimetru u li tiżen bejn 55 u 65 kilogramma.
Kien hawn li l-investigaturi intraċċaw ordni ta’ splussiv tat-tip C-4 li eventwalment kienet interċettata fl-Istati Uniti minn tim ta’ investigaturi Maltin, immexxija mis-Supretendent George Cremona.
Fl-aħħar ġimgħat, l-avukati ta’ Jomic appellaw minn din is-sentenza li ngħatat mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech u sussegwentement ingħata l-ħelsien mill-arrest taħt numru ta’ kundizzjonijiet, inkluż li jiffirma f’għassa tal-Pulizija, xi ħaġa li l-imputat waqaf jagħmel f’daqqa waħda.
Rapporti oħrajn fil-midja jgħidu li mart Jomic, Marzia Calleja Maatouk, tinsab maħruba miegħu. Din ukoll kienet instabet ħatja ta’ pussess tad-droga u weħlet sentenza ta’ 15-il xahar ħabs, iżda wkoll kienet barra aktarx tistenna l-appell.