- TESTIJIET DWAR IL-PURITÀ TAD-DROGA MISTENNIJA JAGĦTU L-EWWEL RIŻULTAT GĦADA
- IL-MAĠISTRATURA SPANJOLA TIDĦOL FIL-KAŻ
Il-qabda rekord ta’ droga kokaina nhar il-Ħamis li għadda hija ikbar mill-qabdiet kollha ta’ droga kokaina, magħduda flimkien, li saru mal-fruntiera mill-2007. Dan ma jnaqqas xejn mill-importanza ta’ qabdiet oħra għaliex f’każ bħal dan is-sodisfazzjon tal-uffiċjali tad-dwana jkun ukoll li ġew salvati l-ħajjiet, u kull qabda twassal għal dan.
Però lanqas tipi oħra ta’ droga ma nqabdu f’dan l-ammont. Biex dak li sar nhar il-Ħamis żgur se jibqa’ mniżżel fl-istorja tad-Dipartiment tad-Dwana Maltija.
Skont ċifri uffiċjali li kisbet il-gazzetta KullĦadd mid-Dipartiment tad-Dwana, jirriżulta li bejn l-2007 u l-2016 inqabdu 210kg ta’ droga kokaina. Dan ifisser li f’disa’ snin inqabdu 90kg inqas mill-qabda li saret nhar il-Ħamis. F’dawn il-każi qed nitkellmu dwar droga li tinqabad mal-fruntiera, fejn hemm id-Dipartiment tad-Dwana għandu ġurisdizzjoni.
Tneħħi l-eċċezzjoni tal-2012, meta kien hemm qabda ta’ 142.48kg, il-qabdiet fis-snin l-oħra kienu jvarjaw minn ftit kilogrammi għal massimu ta’ madwar 20kg f’sena.
Fis-sena 2012, 140kg mid-droga li nqabdet f’dik is-sena, meqjusa l-ikbar waħda f’perjodu twil, kienet instabet f’magna tal-pressa taż-żebbuġ. Fil-fatt kellu jitkisser il-ħadid tal-magna biex id-droga inħarġet minn bejnu.
Din id-darba d-droga nstabet f’kontejner li suppost kien fih bottijiet tal-pineapple. Iżda fuq dawn il-bottijiet kien hemm xkejjer li meta fetħuhom l-uffiċjali tad-dwana sabu ammonti kbar ta’ droga f’basktijiet.
Huwa evidenti, li apparat specjali li l-Gvern ġab minn fondi Ewropej f’Awwissu li għaddha, u t-taħriġ li ingħataw l-uffiċjali tad-Dwana fuqu ġewwa Antwerp, il-Belġju, huwa fattur importanti ħafna f’dawn ir-riżultati miksuba mid-Dwana.
Il-qabda ta’ 300kg ġibdet l-attenzjoni tal-midja internazzjonali. Iżda, mhux biss. Il-KullĦadd tista’ tiżvela li l-uffiċjali tad-Dipartiment tad-Dwana ntalbu ċertu informazzjoni detttaljata peress li l-qabda hija meqjusa bħala waħda tant kbira anke fuq livell Ewropew. Fost oħrajn intalab tagħrif mill-Europol, l-istituzzjoni Ewropea li taħdem biex il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea jkunu megħjuna jiġġieldu t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata mill-iktar serja.
Daħlet ukoll fil-każ il-maġistratura Spanjola għaliex il-kontejner kien fi triqtu lejn Valencia, fi Spanja, wara li telaq mill-Ekwador. Fil-fatt, il-kontejner kellu jitlaq minn Malta lejn Spanja llum wara li wasal Malta l-Erbgħa. Persuni li għandhom esperjenza f’investigazzjonijiet bħal dawn spjegaw li f’każi hekk mhux eskluż li t-trasferiment tad-droga seta’ sar bejn sema u ilma u l-kontejner jasal fid-destinazzjoni kif maħsub, bil-pineapple biss.
Il-valur tad-droga huwa ta’ għexieren ta’ miljuni ta’ ewro għalkemm il-valur eżatt se jkun determinat fis-sigħat li ġejjin wara iktar testijiet fuq il-purità mill-pulizija tal-forensika. Dawn ir-riżultati kruċjali mistennija jitlestew għada.