L-Aġenzija Ewropea tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea, il-Europol ikkonfermat li d-dikjarazzjoni li għamel il-kap tagħha Rob Wainwright dwar ħtieġa ta’ koperazzjoni akbar fl-investigazzjoni li qed issir dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ma kinitx qed tirreferi għal Pulizija Maltija.
Fi stqarrija, il-Europol żiedet tikkonferma li r-referenza saret b’rabta mal-koperazzjoni ma’ pajjiżi oħrajn.
Id-dikjarazzjoni saret ftit tas-sigħat wara li numru ta’ midja Maltin u internazzjonali bdew jikkwotaw lill-Kap tal-Europal jgħid li l-koperazzjoni mal-pulizija Maltija fl-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia mhux dejjem kienet sħiħa.
B’reazzjoni għal dak rrapportat f’dawn il-midja, il-Pulizija Maltija qalet li kienet sorpriża b’dawn il-kummenti għax qatt ma ntalbet jew ġiet mgħarrfa li kien hemm xi nuqqas ta’ koperazzjoni bejnha u l-Europol li din setgħet tkun aħjar.
Saħansitra ddikjarat li għall-kuntrarju ta’ dak rapportat, sal-bieraħ stess iż-żewġ naħat iddiskutew it-triq ‘il quddiem fl-invesitgazzjoni li qed issir dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia f’Ottubru li għadda.
Fil-fatt il-Pulizija qalet li kienet se titlob b’mod urġenti lil Europol tiċċara dak li rrapportaw Daphne Project għax sostniet li d-diskors tiegħu seta’ ġiet miżinterpretat b’sentenza ambigwa.
Kif fil-fatt ġara tant li fi stqarrija s-Sibt waranofisnar, il-EUROPOL kkonfermat li ma kinitx qed tirreferi għall-Pulizija Maltija iżda b’rabta ma’ koperazzjoni ma’ pajjiżi oħrajn.
Il-Puliziaj Maltija kkonfermat li hemm koperazzjoni sħiħa u trasparenti mal-Europol dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galiza u każijiet oħrajn li joħorġu minn din l-investigazzjoni.